Filmat: MPs tal-PN jitilqu ‘l barra għax riedu jiddiskutu l-kriżi tal-PN

Il-laqgħa kellha tkun fuq Melvin Theuma

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia laqqa’ lill-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista fid-Dar Ċentrali sabiex jiddiskutu dak li ġara issa li Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ilbieraħ allegatament ipprova jweġġa’ lilu nnifsu serjament u issa jinstab l-isptar għall-kura. Wara madwar 40 minuta, għadd ta’ Membri Parlamentari bdew ħerġin mil-laqgħa għax riedu li jiddiskutu biss il-kriżi fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista qabel ma jiddiskutu suġġetti oħrajn.

F’messaġġ li xerred fuq il-midja soċjali billejl, b’reazzjoni għall-aħħar żviluppi fuq il-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Delia ħabbar li sejjaħ din il-laqgħa. Ilbieraħ Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju, instab ferut ġo daru stess wara li allegatament prova jweġġa’ lilu nnifsu. Sa dalgħodu kien f’qagħda stabbli.

Hu u dieħel fid-Dar Ċentrali, Adrian Delia qal lill-ġurnalisti li huwa ċar li l-laqgħa tal-lum se tkun fuq il-kwistjoni tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Delia sejjaħ l-aħħar żvilupp wieħed trawmatiku u traġiku, u li ma jafux fejn se jasal. Qal li l-politika tidħol b’mod dirett peress li Theuma huwa xhud tal-istat. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jiddispjaċih li għadha ma ħarġet l-ebda stqarrija la min-naħa tal-Prim Ministru u lanqas min-naħa ta’ ebda Ministru.

Mal-wasla tagħha, Dr Therese Comodini Cachia qalet li wara dak li ġara dan il-lejl, jidher aktar ċar li l-pajjiż għandu bżonn Oppożizzjoni kredibbli u serja. Għalhekk, stqarret li l-unika ħaġa li kienu beħsiebhom jiddiskutu f’din il-laqgħa kienet kif il-Kap tal-PN Adrian Delia juri rispett lejn iż-żewġ voti ta’ fiduċja li ffaċċja.

Wara madwar 40 minuta, il-Membri Parlamentari bdew ħerġin mil-laqgħa peress li huma riedu lil Delia jgħidilhom x’se tkun it-triq ‘il quddiem fir-rigward tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, mentri hu ried jiddiskuti l-aħħar żviluppi b’rabta ma’ Melvin Theuma. Comodini Cachia sostniet li l-Oppożizzjoni teħtieġ li tkun waħda soda u unita biex tiġġieled “ix-xibka tal-korruzzjoni li ħakmet lill-pajjiż taħt Gvern Laburista.” Hija qalet li l-PN ma jistax jiddiskuti lil Melvin Theuma qabel ma jiddiskuti l-voti ta’ fiduċja li tilef Delia.

F’messaġġ qasir fis-1.15am tal-Erbgħa filgħodu, Delia qal li kulħadd għandu jingħaqad biex il-kriminalità tiġi ma tibqax taħkem lil Malta. Fil-messaġġ tiegħu Adrian Delia appella għal diversi drabi għall-kawtela u biex ħadd ma jasal għall-ebda konklużjoni jew spekulazzjoni. Qal ukoll li lil hinn mill-politika partiġġjana, il-familji ma jixirqilhomx li jgħaddu minn trawmi bħal dawn.

Sostna li hu se jistenna r-rapporti formali inklużi dawk mediċi biex il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jifforma l-messaġġ politiku.

Live quddiem Dar Ċentrali qabel jiltaqgħu l-MPs

Posted by Newsbook.com.mt on Wednesday, July 22, 2020