Jitlaqqa’ b’urġenza l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista

Read in English.

Illum il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista se jiltaqa’ b’urġenza sabiex jiddiskuti l-aħħar żviluppi dwar l-iskandlu ta’ Montenegro.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista lbieraħ qal fuq Net News li sejjaħ laqgħa urġenti llum sabiex il-Membri Parlamentari Nazzjonalisti jiddiskutu l-iskandlu żvelat nhar il-Ġimgħa minn investigazzjoni konġunta ta’ Reuters u t-Times of Malta.

L-investigazzjoni wriet li 17 Black, li sidha huwa Yorgen Fenech, għamlet profitt ta’ €4.6 miljun mhux iddikjarat minn wind farms f’Montenegro mixtrija mill-Enemalta. Fenech jinsab akkużat li huwa l-moħħ wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u bħalissa għaddejjin proċeduri fil-qorti fil-konfront tiegħu.

Waqt Net News, Delia stqarr li meta tkun mingħalik li smajt l-agħar, toħroġ aħbar oħra li tkun agħar minn ta’ qabilha, b’rabta mal-korruzzjoni tal-Gvern. Huwa kkritika r-reazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela, għaliex skont Delia, meta Abela qal li dan il-każ irid jiġi investigat sabiex issir ġustizzja, kien qed jirreċta, peress li rapporti jindikaw li huwa kien jaf b’dan f’Novembru li għadda.