Aġġornata: Karen Debattista tirbaħ il-Festival l-Għanja tal-Poplu

23.40: Il-kanzunetta rebbieħa tat-38 edizzjoni tal-Festival l-Għanja tal-Poplu organizzat mill-YTC li sar is-Sibt filgħaxija hija Jien ma naħdimx kantata minn Karen Debattista. Rita Pace u Mark Scicluna kitbu l-kliem u l-mużika tal-kanzunetta rebbieħa. 

It-tieni post intrebaħ mill-kanzunetta Kif xrobtuli l-menti kantata minn Frank O'Neil, Christabelle u il-Lajks. 

Fit-tielet post klassifikaw Olivia Lewis u Miriam Christine bil-kanzunetta  Wara l-Kanċell bi kliem ta' Joe Julian Farrugia u mużika ta' Miriam Christine.
.
Denise Spiteri ġiet mogħtija t-titlu tal-aqwa talent żagħżugħ għall-kanzunetta Pupa miktuba minn Mark Lawrence Zammit waqt li Christian Arding rebaħ il-premju tal-aqwa interpretazzjoni bil-kanzunetta Il-karba tal-mument miktuba minn Kevin Tanti u Chan Vella.   Rita Pace rebħet il-premju għall-aqwa tema soċjali.

Aktar qabel: Bħalissa fis-sala Sir Temi Zammit fl-Universita ta' Malta għaddejja t-38 edizzjoni tal-Festival l-Għanja tal-Poplu. 
 
Fil-festival ta' din is-sena qed jieħdu sehem sittax-il kanzunetta bi stili differenti.  Bħal kull sena spikkaw it-temi soċjali oriġinali.  Fost it-temi soċjali fil-festival ta' din is-sena hemm l-apprezzament lejn il-mara tad-dar u xogħolha, l-ambjent, l-istorja ta' Malta, is-siti soċjali u l-bidla li ġabu f'ħajjitna u anke l-ħsbijiet ta' min jiġi akkużat u jgħaddi żmien fil-ħabs.
 
Fetaħ is-serata l-kor l-Għanja tal-Poplu taħt id-direzzjoni  ta' Josephine Ebejer Grech li kanta diversi kanzunetti li huma sinonimi mal-festival. It-tfal tal-istess kor fit-tieni parti tal-festival se jtellgħu musical dwar l-istorja ta' Malta. Id-direzzjoni ta' dan il-musical ġiet avdata f'idejn Martha Vella mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali.  Waqt il-festival se jieħdu sehem ukoll diversi mistiedna speċjali fosthom Corazon, Walter Micallef u David Azzopardi.  
 
Newsbook.com.mt ikompli jaġġornakom mis-sala u mill-greenroom.