Jitkomplew il-lezzjonijiet tas-sewqan; testijiet tal-VRT possibli

Read in English.

Transport Malta ħabbret li qed tiġi rtirata s-sospensjoni tal-lezzjonijiet tas-sewqan. B’hekk il-lezzjonijiet jistgħu jkomplu jsiru iżda b’miżuri ta’ prevenzjoni stretti u infurzati li kienu nħarġu ftit tal-jiem ilu.

Fl-aħħar sigħat ġew ippubblikati wkoll numru ta’ emendi oħra għall-Avviż Legali 90 tal-2020 maħruġ mis-Superintendent dwar is-Saħħa Pubblika, dwar l-għeluq ta’ stazzjonijiet tal-VRT.

Permezz ta’ dawn l-emendi, l-istazzjonijiet tal-VRT qed jingħataw permess li jwettqu testijiet f’xi każijiet li ma jaqgħux taħt l-estensjoni awtomatika tal-liċenzja annwali tal-vetturi. L-istazzjonijiet tal-VRT jistgħu jwettqu testijiet fuq il-vetturi li ġejjin:

  • vetturi bil-mutur użati li huma importati f’Malta, li jeħtieġ li jsirilhom test tal-VRT sabiex ikunu jistgħu jiġu reġistrati għall-ewwel darba f’Malta;
  • vetturi bil-mutur li jkunu ġew iggaraxxjati qabel l-20 ta’ Marzu, 2020 u li s-sidien tagħhom iridu jerġgħu jużawhom fit-triq wara li jġeddulhom il-liċenzja;
  • vetturi bil-mutur li l-liċenzja tagħhom skadiet qabel l-20 ta’ Marzu 2020 u kien imiss li jsirilhom test tal-VRT, iżda din il-liċenzja ma kinitx ġiet imġedda, 
  • vetturi bil-mutur li jkunu jinħtieġu l-ħruġ ta’ ċertifikat tal-VRT biex ikunu jistgħu jiġu trasferiti lil terzi.

Fil-każijiet kollha msemmijin hawn fuq, is-siden affettwati huma mitluba jagħmlu appuntament ma’ wieħed mill-istazzjonijiet tal-VRT approvati. Wieħed jista’ jara l-lista aġġornata ta’ dawn l-istazzjonijiet minn fuq is-sit elettroniku ta’ Transport Malta.