Jitkompla l-istudju ġeoloġiku għall-mina bejn Malta u Għawdex

Transport Malta (TM) lestiet fażi oħra tal-istudji ġeoloġiċi li qed isiru bħala parti mill-proġett għad-disinn ta’ mina bejn Malta u Għawdex.  
Fi stqarrija TM qalet li tul dawn l-aħħar xhur inġabru kampjuni ta’ blat minn disa' spieri f’postijiet strateġiċi f’Malta, f’Għawdex u fil-fliegu filwaqt li t-tekniċi ġabru kampjuni minn medja ta’ 200 metru taħt l-art.  
Dawn il-kampjuni qed ikunu analizzati f’laboratorju speċjalizzat u se jagħtu idea ċara tal-kundizzjoni tal-blat u materjal taħt l-art u taħt qiegħ il-baħar.
Żiedet tgħid li r-riżultat ta’ din l-analiżi se jingħaqad mal-informazzjoni li nġabret mill-investigazzjonijiet sismiċi li saru iktar kmieni, biex jinħoloq mudell ġeoloġiku taż-żona bejn Malta u Għawdex. Dan il-mudell se jkun il-bażi biex jitfassal il-kunċett għad-disinn tal-mina bejn Malta u Għawdex. 
Temmet tgħid li l-mudell ġeoloġiku għandu jitlesta fix-xhur li ġejjin.  
Ritratt: TM