Jitkeċċa mix-xogħol wara 24 sena leave

Uffiċjal tal-Gvern Indjan tkeċċa minn xogħlu wara li għamel 24 sena sħaħ mingħajr ma jersaq darba lejn l-uffiċċju tiegħu.
Ir-raġel huwa A.K Verma u kien jokkupa l-grad ta’ Eżekuttiv Assistent Iniġinier mal-Gvern Indjan.
Huwa kien ħareġ bis-‘sick leave’ fl-1990 wara li għaxar snin qabel kien ingħaqad mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.
Minkejja li ngħata ordni biex jidħol lura għax-xogħol, ir-raġel baqa’ jitlob għall-estensjoni tal-leave li qatt ma ngħatatlu, filwaqt li kompla jirrifjuta li jmur għax-xogħol.
Il-Gvern Indjan beda jinvestiga l-każ ta’ dan l-uffiċjal 23 sena ilu. Dan wara li ma obdiex l-ordnijiet tas-superjuri tiegħu wara li ġie mċaħħad minn talba li għamel għal estensjoni tal-ġranet tal-‘leave’.
Il-proċeduri formali sabiex jitkeċċa inbdew fl-2007, fejn dawn ħadu 7 snin oħra sakemm waslu għad-deċiżjoni finali li l-Indjan kellu jitkeċċa minn mal-Gvern.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban tal-Indja ordna t-tkeċċija tiegħu sabiex “jassigura li l-proċess ikun wieħed kontabbli u trasparenti”.