Jitkeċċa mill-pajjiż minħabba ħxuna żejda

Raġel Sud-Afrikan li se jitkeċċa minn New Zealand minħabba ħxuna żejda, ingħata ċans li jgħix fil-pajji għal 23 xahar ieħor.

Madanakollu, il-Gvern qal li r-raġel, li huwa kok, xorta mhux se jkun jista’ jibbenefika mis-servizzi tas-saħħa pubblika.  

Ir-raġel li jiżen 130 kilogramma, appella l-każ tiegħu madwar xahrejn ilu wara li l-applikazzjoni għal tiġdid tal-visa tax-xogħol ġiet irrifjutata minħabba li l-istandard tas-saħħa tiegħu mhux aċċettabbli.

Dan minkejja li minn sitt snin ‘l hawn naqas 30 kilogramma.

Madanakollu l-Ministru tal-Immigrazzjoni fi New Zealand qalet li l-applikazzjoni tiegħu ġiet irrifjutata minħabba l-kundizzjoni li għandu fil-ġogi.

Il-koppja tkellmet dwar is-sitwazzjoni tagħha mal-midja internazzjonali fejn qalu li kuntenti li jistgħu jibqgħu fil-pajjiż, iżda jridu jibdew mill-ġdid u se jkollhom jonfqu eluf ta’ dollari.

Ir-raġel qal li fix-xhur li ġejjin se jipprova jonqos 25 kilo ieħor.

New Zealand għandha waħda mill-akbar rati ta’ obeżità, fejn kważi 30% taċ-ċittadini għandhom piż eċċessiv.