Jitkeċċa d-deputat Direttur tal-Bank tal-Vatikan

Il-Bank tal-Vatikan, magħruf bħala Istituto per le Opere di Religione (IOR), keċċa lid-deputat Direttur Ġenerali tiegħu Giulio Mattietti.
Ir-raġunijiet tat-tkeċċija li saret it-Tnejn li għadda għadhom mhumiex magħrufa.
F’kuntatt li l-aġenzija tal-aħbarijiet Taljana ANSA għamlet mal-uffiċċju tal-komunikazzjoni tal-Bank tal-Vatikan, il-Bank ikkonferma li Matietti waqaf mix-xogħol tiegħu nhar it-Tnejn li għadda.
Is-sorsi tal-aġenzija qalu wkoll li fil-jiem li għaddew, mill-Bank tkeċċa ħaddiem ieħor.
Matul l-aħħar xhur, il-Bank tal-Vatikan għadda minn proċess ta’ riformi wara li fl-aħħar snin ħarġu numru ta’ skandli finanzjarji.
Fl-2015, il-Papa Franġisku kien ħatar Awditur Ġenerali għal dan il-Bank biex idaħħal trasparenza u kontabilità finanzjarja fil-Bank tal-Vatikan.