Jitilqu aktar kumpaniji minħabba Brexit

Waħda minn kull seba’ kumpaniji Ewropej li għandha fornituri fir-Renju Unit ħarġet parti jew in-negozju kollu tagħha mir-Renju Unit skont iċ-Chartered Institute of Procurement and Supply.
L-istess Istitut qal li dan wassal għal żieda fil-prezzijiet u wissa li dawn se jkomplu jogħlew hekk kif tersaq il-ġurnata ta’ Brexit.
Minkejja li fl-aħħar ġranet ir-Renju Unit u s-27 pajjiż l-ieħor tal-UE qablu fuq ftehim ta’ transizzjoni li se jżomm ir-relazzjonijiet kummerċjali kif inhuma llum tal-anqas sas-sena 2020, stħarriġ ta’ aktar minn 2,000 supply chain managers sab li filfatt dawn ir-rabtiet diġà bdew imorru għall-agħar.
Fl-istess stħarriġ ħareġ ukoll li 41% tal-kumpaniji qed jippjanaw li jgħollu l-prezzijiet tagħhom minħabba fatturi marbuta ma’ Brexit, fosthom regolamenti diverġenti bejn il-pajjiżi u spejjeż tal-fruntieri. L-Istitut irrimarka li n-negozji m’għandhomx wisq għażla ħlief li jgħaddu parti miż-żieda fl-ispejjeż lill-konsumaturi biex jipproteġu l-marġini ta’ profitt tagħhom.
John Glen, ekonomista, spjega kif billi ħafna kumpaniji m’għandhomx kjarezza dwar liema direzzjoni se tieħu Brexit, għalissa qed jibbażaw il-pjanijiet tagħhom fuq l-agħar xenarju, dak ta’ hard Brexit, jiġifieri sitwazzjoni fejn jikkollassa kull ftehim bejn iż-żewġ naħat. Spjega wkoll li sfortunatament, din l-inċertezza wasslet biex il-kumpaniji jieħdu deċiżjonijiet li jitilqu mir-Renju Unit irrispettivament minn x’se tkun il-konklużjoni tan-negozjati dwar Brexit.
Ftehim kummerċjali bejn 50 pajjiż Afrikan

Wara li fil-ġranet li għaddew numru ta’ pajjiżi mill-Amerika Latina u  l-Ażja laħqu ftehim ta’ kummerċ ħieles, kien imiss għall-blokk Afrikan li wara tliet snin ta’ negozjati jistab qrib ftehim kummerċjali storiku. Filfatt mal-50 ekonomija Afrikana laħqu ftehim  biex joħolqu għaqda kummerċjali b’saħħitha, b’ekonomiji li jlaħħqu t-$3 triljun.
Madankollu, dan il-ftehim huwa mxekkel bil-fatt li l-akbar ekonomija tal-kontinent, in-Niġerija, mhix fi ħsiebha tipparteċipa, hekk kif il-President Buhari, qal li l-Gvern irid jiddiskuti aktar l-impatt man-negozji lokali. L-Uganda wkoll baqgħet barra mid-diskussjonijiet.
In-Niġerija u l-Afrika t’Isfel flimkien jgħaqqdu nofs is-saħħa ekonomika Afrikana. Fil-preżent, il-kummerċ intra-Afrikan huwa biss ta’ 16% tat-total tal-kontinent, meta mqabbel, per eżempju ma’ 51% ta’ dak fl-Ażja. Skont stimi li saru mill-Ġnus Maqgħuda, dan il-ftehim jista’ jwassal żieda immedjata ta’ mill-anqas 8% fuq dak l-ammont, grazzi għal fatt li jwassal immedjatament għal titjib fil-profil tal-kreditu tal-pajjiżi. Madankollu, billi waħda mill-akbar pjagi tal-Afrika hija l-kwalità baxxa tal-infrastruttura, l-aktar pajjiżi li mistennija jgawdu mill-ftehim huma dawk li investew l-aktar f’dan il-qasam fl-aħħar snin, b’mod partikolari l-Afrika t’Isfel u l-Kenja.
Ftehim ta’ kummerċ ħieles bħal dan hu meqjus bħala pass importanti li jista’ jwassal biex mijiet ta’ eluf ta’ persuni jinħarġu mill-faqar f’kontinent li joffri potenzjal kbir għal futur aħjar għall-popolazzjonijiet tiegħu.
Profitt akbar minn mistenni għal Tencent

Il-kumpanija Ċiniża Tencent ħabbret li l-profitt tagħha għas-sena li għaddiet kien ferm akbar minn dak previst u li se tkun qed tinvesti bis-saħħa biex tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala l-aktar kumpanija b’saħħitha fl-Ażja. Tencent ħabbret li se tkun qed tinvesti parti kbira minn dan il-profitt f’oqsma ġodda bħall-artificial intelligence li fuqhom qed tiddependi t-tkabbir fuq medda itwal ta’ żmien.
Tencent ħabbret dħul ta’ 3.3 biljun dollaru, kważi 20% aktar minn dak mistenni mill-analisti tas-settur. In-negozju ewlieni ta’ Tencent huwa n-netwerks soċjali popolari fiċ-Ċina WeChat u QQ, li permezz tagħhom aktar minn biljun persuna jikkunsmaw servizzi marbuta ma’ logħob, aħbarijiet u intratteniment fid-dinja virtwali, iżda li jippermettu wkoll ħlasijiet għal firxa kbira ta’ servizzi fid-dinja reali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Ma Huateng qed jimbotta għal aktar investiment fis-servizzi finanzjarji u t-tekonoloġija tal-informatika biex jirbaħ aktar dħul mir-reklamar, settur li fil-preżent għadu primarjament iddominat minn Alibaba Group. Il-kumpanija fl-aħħar snin waqfet ukoll kumpanija finanzjarja tal-pagamenti kif ukoll għall-għoti ta’ kreditu.
Fl-aħħar xhur il-kumpanija kompliet tifrex is-saħħa tagħha billi tinvesti f’għadd ta’ kumpaniji – mifhuma li huma aktar minn 600. Mill-bidu tas-sena l-ishma ta’ Tencent żdiedu b’14% fil-valur tagħhom u huma fost l-aqwa ishma fid-dinja f’termini ta’ prestazzjoni.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.