​Jitilgħu l-poloz tal-Kompetizzjonijiet tal-BOV GFA

Il-poloz tal-Kampjonati tal-BOV GFA u tat-Tazza tal-BOV GFA 2017-2018 ittellgħu waqt konferenza stampa li saret fil-Head Office tal-Bank of Valletta f’Santa Venera.
Il-poloz ittellgħu mis-Sur Charles Azzopardi, Kap Eżekuttiv tal-PR u l-Marketing fil-Bank of Valletta u minn DrSamuel Azzopardi, President tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tal-Futbol.
“Ir-relazzjoni bejn il-Bank of Valletta u l-Assoċjazzjoni Għawdxija tal-Futbol tmur lura għal numru ta’ snin,”qal is-Sur Azzopardi. “Din is-sena komplejna nkabbru din il-kollaborazzjoni billi qed nappoġġjaw kemm il-Kampjonati tal-BOV GFA kif ukoll it-Tazza tal-BOV GFA. Il-poloz għaż-żewġ kompetizzjonijiet se jkunu qed jitilgħu hawn illum.”
 Dr Azzopardi rringrazzja lill-Bank of Valletta tal-appoġġ kontinwu tiegħu għall-isport tal-futbol f’Għawdex, u qal li, “Ninsabu ħerqanin biex naraw staġun ieħor ta’ futbol kompetittiv. Matul l-istaġun tat-trasferimenti, rajna xi ffirmar importantikemm f’termini ta’ plejers lokali kif ukoll ta’ plejers barranin li jippromettu li jgħollu l-livell tal-logħba.”
 Il-poloz tal-Ewwel Ġurnata kif telgħu huma dawn:
 Għajnsielem v Għarb Rangers
Oratory Y. v Victoria H.
Xewkija T. v SK Victoria W.
Nadur Y. v Kerċem A.