Jitilgħu l-poloz tal-Kampjonat BOV tax-Xitwa tal-Water Polo

Il-Kampjonat BOV tax-Xitwa tal-Water Polo għall-2018 se jibda fis-16 ta’ Marzu b’6 timijiet jikkompetu fil-BOV Premier Division u 4 timijiet jikkompetu għat-titlu tal-Ewwel Diviżjoni.
Il-poloz telgħu matul konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-uffiċċji tal-Assoċjazzjoni tal-Isport Akwatiku ta' Malta u li kienet indirizzata mill-President tal-ASA Joe Caruana Curran u minn Anthony Scicluna, Uffiċjal Kap tal-Bank of Valletta.
“It-Tim Nazzjonali għadu kif wasal lura mis-sehem tiegħu fil-LEN Europa Cup fejn lgħabna kontra l-qawwa tas-Serbja u tal-Kroazja, 2 mill-aqwa timijiet fid-dinja,” qal is-Sur Caruana Curran. “Minkejja li r-riżultati jirriflettu s-supremazija ta’ dawn it-timijiet, il-plejers tagħna kellhom esperjenza ta’ water polo fl-aqwa klassi tiegħu li definittivament se tkun ta’ benefiċċju fil-play-off ta’ kwalifikazzjoni li jmissna għall-Kampjonati Ewropej tal-2018 kontra l-Belarussja f’Minsk nhar is-Sibt li ġej, 24 ta’ Frar.”
“L-introduzzjoni tat-Tazza Enemed din is-sena kien pass ieħor biex il-water polo nagħmluh sport ta’ matul is-sena kollha u b’hekk inżommu l-plejers tagħna fl-aqwa forma matul is-sena u bil-partitarji jkollhom l-opportunità li jsegwu t-tim favorit tagħhom fi tliet kompetizzjonijiet ewlenin”, kompla l-President tal-ASA.