Jitilgħu għal madwar 300 l-vittmi tat-terremot fl-Ekwador

Telgħu għal aktar minn 270 persuna dawk li tilfu ħajjithom wara wieħed mill-aktar terremoti qawwija fl-Ekwador f’għexieren tas-snin.
Jidher ukoll li n-numru ta’ dawk li ndarbu, kawża tal-ħsara li ġab miegħu t-terremot, telgħu għal aktar minn 1,500 persuna.
Madwar 10,000 suldat u anke 3,500 pulizija kienu mibgħuta biex jgħinu fil-postijiet l-aktar affetwati.
It-terremot li kejjel 7.8 fuq l-Iskala Richter laqat lill-Ekwador is-Sibt filgħaxija.
Għalkemm in-numru tal-vittmi diġà huwa kbir, uffiċjali qalu li mistenni jkompli jikber.
Il-President tal-Ekwador waqqaf ħesrem żjara li kien qiegħed jagħmel fl-Italja.
Huwa ddikjara stat ta’ emerġenza u qal li l-priorità tal-pajjiż hija li jinstabu aktar persuni ħajjin.
“Kollox jista’ jerġa jinbena, minbarra l-ħajjiet,” qal il-President.
F’għadd ta’ postijiet, diversi persuni qed iqallbu b’idejhom stess qalb it-terrapin, jittamaw li jsibu aktar persuni ħajjin.