Jitilgħu fuq ambulanza jgħajru u jheddu lill-infermiera u l-pazjent

Infermiera kienet mhedda u mgħajra waqt li kienet qed tassisti żewġ pazjenti fil-Marsa.
Il-każ seħħ ilbieraħ meta l-infermiera kienet qed tassisti żewġ persuni li kienu involuti f’inċident bir-rota.
Fi stqarrija, il-Unjin Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel ikkritikat ukoll l-fatt li l-Pulizija waslu 40 minuta wara li ġie rrapurtat l-inċident.
Fi stqarrija, l-MUMN spjegat li l-ambulanza wasslet fuq il-post qabel waslu l-Pulizija li kellhom jerġgħu jissejħu wara li waslu l-infermiera.
Jidher li waqt li l-infermiera kienet qed tassisti lil dawk involuti fl-inċident, grupp ta’ persuni ta’ nazzjonalità barranija u li kienu fis-sakra, telgħu fuq l-ambulanza u bdew jheddu u jgħajru lill-infermiera.
Huma heddew ukoll lit-Taljan li kien qed jiġi kkurat.
Il-Unjin talbet lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali biex jipproteġi lill-infermiera waqt li jkunu qed iwettqu xogħolhom, kemm fl-isptarijiet u anke fuq barra.
L-MUMN temmet tgħid li dan mhux każ iżolat u li infermiera qed jaffaċċjaw sitwazzjonijiet simili kull meta jmorru Paceville matul il-lejl mingħajr ma jkollhom il-protezzjoni tal-Pulizija.