Jitħassru operazzjonijiet tal-waiting list; direttivi mill-UĦM

Read in English.

L-operazzjonijiet tal-listi ta’ stennija mhux se jkunu qed isiru wara li ġew ordnati direttivi. L-Union Ħaddiema Maqgħudin (UĦM – Voice of the Workers) ordnat 219-il direttiva f’azzjoni industrijali li bdiet ilbieraħ.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Gian Paul Gauci, l-Assistent Direttur tas-Sezzjoni tas-Servizzi tas-Saħħa fl-union. Fost id-direttivi spjega li sakemm ma jkunx każ ta’ emerġenza, l-allied health professionals ma għadhomx jieħdu d-demm u lanqas X-Rays. Dan ifisser li operazzjonijiet ma jistgħux isiru, sakemm mhux f’każijiet ta’ emerġenza. Fejn jidħlu l-proġetti tal-iscreening tas-sider u tal-musrana, qed jinqdew biss persuni li qed jagħmlu dawn it-testijiet għall-ewwel darba. Il-follow-ups kollha qed jitħassru.

Gauci spjega li kull min għandu problema jew xi ilmenti dwar dawn id-direttivi għandu jċempel fuq il-hotline ta’ Kastilja u jgħaddi l-ilmenti tiegħu hemm. Qal li huma qed jirreferu lil dawk kollha li jilmentaw għal Kastilja. Dan ladarba “huwa tort tal-awtoritajiet li dawn il-professjonisti spiċċaw bla rappreżentanza.”

Għaliex daħlu fis-seħħ dawn id-direttivi?

Gauci spjega li l-unions jgħaddu bħal minn qisha elezzjoni ġenerali, li jgħidulha elezzjoni ta’ għarfien. Min ikollu 50%+1 tal-appoġġ tal-impjegati, jingħata l-għarfien neċessarju biex ikun jista’ jirrapreżenta lill-impjegati.

Intqal li fil-każ tal-Allied Health Professionals, il-UĦM – Voice of the Workers tgawdi 58% tal-grupp kollu. Minkejja dan, l-union baqgħet mingħajr ir-rikonoxximent tagħha. Liema rikonoxximent irid joħroġ mill-Gvern. Gauci qal li għalhekk, ma jistax jirrappreżenta lil dawn l-impjegati u jitkellem f’isimhom fejn jidħlu kundizzjonijiet ta’ xogħol. Fl-istess waqt qal li l-Union għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) trid tinnegozja għall-fiżjoterapisti, minkejja li tgawdi biss 15% tal-appoġġ tal-allied health professionals.

Fi stqarrija maħruġa fl-10 ta’ Settembru, l-UĦM qalet li l-pazjenti qed ibatu għaliex il-gvern qed jkaxkar saqajh biex jonora r-riżultat tal-eżerċizzju tal-verifika.

Lil min jinkludu dawn id-direttivi?

Id-direttivi jinkludu radiographers, xjentisti bijomediċi, fiżjoterapisti, speech language pathologists u occupational therapists. Intant, id-direttivi huma fis-seħħ fl-Isptar Mater Dei, fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, San Vinċenz de Paul u fiċ-ċentri tas-saħħa.