Read in English.
L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex ħabbru li l-pellegrinaġġi tal-festi kollha għal din is-sena se jitħassru.
L-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof Mario Grech, l-Isqof Joseph Galea-Curmi u l-Isqof-elett Anton Teuma ħadu d-deċiżjoni iebsa li ma jsirux aktar pellegrinaġġi. Dan wara li nnutaw u segwew l-indikazzjonijiet pubblici li qed jagħtu l-awtoritajiet tas-saħħa kompetenti.
Propju lbieraħ kienu daħlu miżuri fis-seħħ li kienu se jippermettu li l-pellegrinaġġi jsiru b’mhux aktar minn 100 persuna preżenti għalihom.
Ladarba l-każijiet tal-coronavirus f’Malta reġgħu bdew jiżdiedu, saru diversi appelli lill-Gvern, speċjalment mit-tobba u mill-ħaddiema tas-saħħa, sabiex l-attivitajiet tal-massa jitwaqqfu.
Il-Gvern, għalhekk, il-Ħamis ħabbar ċerti restrizzjonijiet f’dawn l-attivitajiet, iżda ma waqqafhomx għal kollox. Fost ir-restrizzjonijiet hemm li:
- Il-marċi tal-festi ma jistgħux isiru
- F’attivitajiet tal-massa, irid ikun hemm biss persuna waħda kull 4 metri kwadri
- Gruppi ta’ aktar minn 10 mhux permessi f’avvenimenti
- Dawn il-gruppi ma jistgħux jitħalltu ma’ oħrajn
- Stabbilimenti li jifilħu għal aktar minn 100 persuna jridu jibagħtu risk assessment lill-awtoritajiet