Jitħassru iktar marċi tal-festa

Aġġornat 03:46 PM

Is-Soċjetà Filarmonika King’s Own ħabbret li mhux se jsir il-marċ ta’ filgħodu ta’ nhar is-Sibt li ġej għall-festa ta’ San Duminku għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika.

Sadanittant l-Għaqda Festi Esterni San Duminku Valletta ħabbret li nhar il-Ġimgħa 7 t’Awissu l-istatwa ta’ San Duminku ma takkumpanjax il-marċ tal-istess soċjetà li se jkun qed isir fuq stedina tal-Valletta Cultural Agency bħala parti mir-reġenerazzjoni tal-Belt Valletta. L-Għaqda qalet li din id-deċiżjoni ttieħdet ukoll abbażi tas-saħħa pubblika.

Fid-dawl ta’ l-istqarrija uffiċjali maħruġa aktar kmieni llum, mis-Soċjeta Filmarmonika King’s Own, fejn fiha ġie…

Posted by Festa San Duminku Valletta on Wednesday, July 29, 2020

Jitħassar il-marċ ta’ filgħodu nhar il-festa ta’ San Gejtanu

Is-Soċjetà Mużikali San Ġużepp ħabbret li l-għaqdiet Ħamruniżi qalbu li jħassru l-marċ ta’ filgħodu ppjanat għal nhar il-festa ta’ San Gejtanu. Dan kellu jsir fid-9 ta’ Awwissu fit-toroq tal-Ħamrun.

L-għaqdiet mużikali Ħamruniżi spjegaw li minkejja li jkunu wkoll qed jistennew bi ħġarhom din il-festa, iħossu li l-kobor tal-marċ ta’ filgħodu ta’ San Gejtanu b’eluf ta’ persuni fi Strada Rjali, hija responsabbiltà kbira wisq biex tintrefa’ minnhom.

Fid-dawl tal-aħħar żviluppi ġie deċiż li l-marċ fuq barra għandu jkun imħassar filwaqt li l-każini se jkunu qed jiddiskutu fuq l-attivitajiet ippjanati fuq ġewwa li fuqhom għad trid tittieħed deċiżjoni li eventwalment tkun ikkomunikata. L-għaqdiet appellaw sabiex ikun hemm koperazzjoni u biex in-nies tifhem li dak li qed isir mhux qed isir b’gost u pjaċir iżda għax is-sens komun jitlob hekk.

Intant, l-għaqdiet ħeġġew il-parteċipazzjoni fil-pellegrinaġġ bil-vara devota ta’ San Gejtanu u jagħmlu dan dejjem b’kawtela u responsabilità lejn ħaddieħor.

Jitħassru l-marċi tal-festa ta’ San Girgor

Fid-dawl tal-kundizzjonijiet preżenti tal-coronavirus fil-pajjiż u ż-żieda tal-każi fl-aħħar jiem, qed jitħassru l-marċi tal-festa ta’ San Girgor f’Tas-Sliema.

Il-Kumitat tas-Soċjetà Mużikali San Girgor Sliema AD 1987 ħabbar dan b’dispjaċir. Qal li d-deċiżjoni ttieħdet wara diskussjonijiet mal-awtorità kompetenti dwar il-marċi. Il-Kumitat sostna li s-saħħa u s-sigurtà tal-membri u l-parruċċani jiġu l-ewwel u qabel kollox.

Il-Kumitat appella wkoll sabiex kulħadd jimxi mal-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet sabiex il-pandemija tiġi kkontrollati.

Propju llum kienu kkonfermati ħames każi pożittivi tal-coronavirus oħra li huma relatati ma’ persuni li attendew għall-avveniment madwar il-festa ta’ Santa Venera.