Jitħassru l-festi esterni ta’ Santu Wistin fil-Belt

Read in English.

L-Agostinjani f’Malta ħabbru li l-festi esterni ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta mhux se jsiru. Dan minħabba li l-Kappillan tneħħa wara li kien hemm qbil bejn l-Arċisqof Charles Scicluna u l-Provinċjal wara rapporti li dehru fil-midja dwar akkużi ta’ serq.

Il-funzjonijiet liturġiċi fil-knisja se jkomplu kif ippjanat jiġifieri llum u għada, 19 u 20 ta’ Settembru jkunu jiem tat-tridu bil-funzjoni tibda fis-6.30pm.

Is-Sibt 21 ta’ Settembru, filgħaxija ssir il-Quddiesa Solenni fis-6.30pm. Nhar il-Ħadd il-Quddies ikun bħal ta’ nhar ta’ Ħadd jiġifieri fis-7am, fid-9.30am, fil-10.45am u fis-7.15pm.

AQRA: Jitneħħa l-kappillan ta’ Santu Wistin il-Belt; investigat mill-Pulizija

Fi stqarrija, l-Provinċjal Patri Leslie Gatt appella lill-pubbliku biex iħalli l-investigazzjonijiet tal-Pulizija u l-proċeduri tal-qorti jkomplu bil-ħidma tagħhom.

Qal li l-Provinċja Agostinjana Maltija twiegħed kull sapport lill-Komunità Parrokkjali ta’ Santu Wistin u b’mod partikolari lil dawk kollha li jgħinu fil-ħajja tal-Parroċċa u l-organizzazzjoni tal-festa.