Jitħassru 240 titjira għal Amsterdam

Pakistantoday.com

It-Tnejn, 240 titjira minn u lejn l-ajruport ta’ Shiphol f’Amsterdam ġew imħassra minħabba l-maltempata li laqtet l-Oċean Atlantiku bir-riħ jilħaq 120 kilometru fis-siegħa. L-ajruport ta‘ Shiphol f’Amsterdam huwa wieħed mill-aktar traffikuż fl-Ewropa.

Il-Maltempata Ciara kissret diversi siġar, u waqqfet diversi servizzi ta’ transport u kissret xi binjiet.

Il-logħob kollu tal-futbol ġew ikkanċellati kif ukoll attivitajiet sportivi oħrajn.

Din il-maltempata laqtet ukoll l-Ingilterra u l-Ġermanja.

Persuni li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li hemm diversi ajruporti oħra fl-Ewropa magħluqin fosthom fil-Ġermanja minħabba l-maltempata Ciara u bħalissa jinsabu maqbudin f’ajuruporti oħra. Żiedu li s’issa għadhom ma jafux x’se jiġri u meta se jkunu jistgħu jaqbdu titjira għall-Amsterdam.

Aktar kmieni raġel ta’ 58 sena tilef ħajtu wara siġra waqgħet fuq il-karozza tiegħu f’Hampshire fl-Ingilterra.