Jitħassar party ta’ 300 persuna fl-istess lukanda tal-każi tal-coronavirus

Offline WKND - Summer 2020

Read in English.

Tħassar party ta’ 300 persuna li kellu jsir fl-istess lukanda li fiha nstabu l-aħħar seba’ każi tal-coronavirus f’Malta.

Fuq Facebook, l-organizzaturi ta’ Offline WKND – Summer 2020 qalu li minħabba l-pressjoni tal-midja s-sidien tar-Radisson Blu Resort f’San Ġiljan qalu li ma kinux ċerti jekk kinux se jippermettu li jsir l-avveniment.

Aktar tard fuq Facebook, il-lukanda qalet li ddeċiediet li tħassar il-party bħala ‘abbundanza ta’ kawtela’ (abundance of caution). Il-lukanda qalet li l-parties kienu se jiġu organizzati minn terzi. Il-lukanda qalet ukoll li qed iżżomm mal-protokolli tas-saħħa inkluż l-użu tal-ilbies protettiv. Madanakollu l-lukanda qalet li għadha se tibqa’ topera.

L-organizzaturi qalu li dawk li jixtiequ jqattgħu tmiem il-ġimgħa fil-lukanda xorta jistgħu jagħmlu hekk. Qalu li minkejja li l-attendza tal-parties tagħhom kien se jkun ta’ 300 persuna qalu li hemm attivitajiet kbar tal-massa li xorta għadhom qed isiru.

Din l-attività kienet qed tiġi reklamata bil-prezz ta’ €195 għal kull persuna f’kamra ta’ tnejn – €390 b’kollox. Il-prezz kien għall-kamra u għall-kolazzjon. L-attività kellha tibda mil-lum u kellha tibqa’ sejra sa nhar il-Ħadd.

Kellhom jiġu wkoll xi artisti minn barra minn Malta għal din l-attività.

F’Malta llum ġew reġistrati sitt każi ġodda ta’ coronavirus mill-party tal-‘hotel takeover’.

Il-persuna li nstabet pożittiva għall-coronavirus ilbieraħ attendiet għall-party li sar il-weekend li għadda bl-isem ta’ Hotel Takeover. Wara li l-ġurnal Times of Malta żvela dan, fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Takeover Malta kien spjegat li bħalissa tinsab f’kuntatt mal-awtoritajiet tas-saħħa u qed tassistihom kif hemm bżonn. Qalet li l-Awtoritajiet tas-Saħħa se jkunu qed jikkuntattjaw il-persuni li jħossu li hu neċessarju li jkunu ttestjati. L-avveniment kien organizzat minn G7 Events. Il-party kbir sar fil-lukanda Radisson Blu f’San Ġiljan.

L-Awtoritajiet għas-Saħħa Pubblika rrakkomandaw lil dawk kollha li attendew dan l-avveniment biex jagħmlu swab test għall-coronavirus. Dawn għandhom iċemplu 111 għall-appuntament, anke jekk m’għandhom l-ebda sintomi.

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qed tappella mill-ġdid għall-kawtela filwaqt li saħqet li l-messaġġ koerenti għandu jkun li wieħed jevita attivitajiet tal-massa, jieħu l-miżuri ta’ prekawzjoni u jekk ikun hemm indikazzjoni ta’ sintomi wieħed iċempel mill-ewwel 111.