Jitħassar il-Karnival fin-Nadur

Nadur karnival
Anaca Photography

Read in English.

Il-Karnival fin-Nadur dis-sena mhux se jsir minħabba l-pandemija.

Il-Kunsill Lokali tal-Nadur, permezz ta’ stqarrija, uffiċjalment informa li mhu se jorganizza l-ebda attività tal-massa jew li tiġbor fiha xi gruppi ta’nies flimkien matul il-jiem tal-Karnival tal-2021. Barra minn hekk il-Kunsill lanqas mhu se jagħti permessi relatati sabiex xi entità jew gruppi jorganizzaw xi tip ta’ attività għall-massa fil-karnival.

Peress li l-Karnival fin-Nadur huwa wkoll spontanju, il-Kunsill Lokali jinsisti li ħadd ma għandu juża din bħala skuża sabiex jiltaqa’ jew ilaqqa’ gruppi ta’ nies fin-Nadur, u l-Kunsill huwa kommess li jekk ikun bżonn jirraporta lill-forzi tal-ordni sabiex jara li tinżamm l-ordni u ma tinkiser l-ebda liġi jew direttiva tal-awtoritajiet tas-saħħa.

In-Nadur, Għawdex, huwa sinonimu mal-karnival. Matul is-snin il-Karnival tan-Nadur kiseb popolarità kbira minħabba l-ispontanjetà tiegħu.

Il-Kunsill Lokali tan-Nadur diġà kellu jħassar diversi attivitajiet oħra tal-massa fl-aħħar sena, fosthom l-attivitajiet tal-Imnarja inluż il-Wirja Agrarja, il-Wine Festival, il-Halloween, Nadur 8K, u saħansitra l-attivitajiet tal-Milied.