Jitħassar il-ftuħ tal-Karnival

It-temp ħażin li ħakem il-gżejjer Maltin fl-aħħar sigħat wassal biex l-organizzaturi tal-Karnival iħassru l-attivitajiet li kellhom isiru fil-Belt Valletta, f'din l-ewwel ġurnata tal-Karnival.
Fi stqarrija, l-organizzaturi qalu li l-karrijiet tal-Karnival se jinħarġu għada s-Sibt filgħodu minn taħt it-tinda li ntramat apposta għalihom il-Marsa.
Festivals Malta qalet li bħalissa għaddejja b’diskussjonijiet mal-Pulizija u Transport Malta biex għada s-Sibt, kif jiftaħ l-ajru, il-karrijiet jibdew jimxu mill-Marsa lejn il-Belt. Probabbilment dan ikun għall-ħabta tal-11am.
Appellat lill-pubbliku biex fejn hu possibbli juża t-trasport pubbliku, jevita t-toroq tal-Marsa li jwasslu għall-Belt u jikkoopera mal-awtoritajiet minħabba li dan it-traġitt se jaffettwa t-toroq tal-Marsa għall-Belt.
It-toroq affettwati l-Marsa huma ż-żona industrijali fejn hemm l-istazzjonijiet tal-ONE, Triq Aldo Moro (direzzjoni lejn Sta Luċija), Triq is-Salib tal-Marsa, Triq Patri Feliċjan Bilocca, Triq is-Sajjieda, il-Menqa tal-Marsa u t-Telgħa ta’ Spencer (fejn kien hemm il-Lohombus Bank). Se jkunu affettwati wkoll Triq Nazzjonali fil-Blata l-Bajda (li tagħti għall-Bombi) u Triq Sant’Anna fil-Furjana.
Il-biljetti li nxtraw għall-ispettaklu tal-Ġimgħa jistgħu jintużaw għall-ispettaklu tas-Sibt li jibda fil-5pm jew tat-Tnejn li jibda fit-3:30pm.
Il-programm għas-Sibt hu:
Pjazza San Ġorġ sa Triq ir-Repubblika
9.30am – 11.30am
€5
Il-Karnival tat-Tfal fi Pjazza San Ġorġ bil-parteċipazzjoni ta’ żfin minn skejjel privati taż-żfin, Kumpaniji Ċ u sfilata żgħira bil-parteċipazzjoni tar-Re tal-Karnival, maskeruni iżolati. L-attività tispiċċa għall-ħabta tal-11.30am fi Pjazza San Ġorġ. Titkompla sfilata tul Triq ir-Repubblika.
Pjazza San Ġwann
5pm, 6pm, 7pm
Dħul b’xejn
Il-Qarċilla bi produzzjoni teatrali mtellgħa minn Teatru Malta. ‘L-Għarusa Karfusa’ hija t-tipika ħrafa klassika ta’ mħabba pprojbita, però bejn frotta u ħaxixa.
Pjazza San Ġorġ
5pm ’il quddiem
€10
Programm fi Pjazza San Ġorġ bil-parteċipazzjoni tal-kumpaniji taż-żfin sezzjonijiet A, B u D, Karrijiet Trijonfali A, B u Ċ. L-attività tispiċċa wara d- 9pm. Titkompla sfilata tul Triq ir-Repubblika.
Pjazza Tritoni
8pm sat-tard
Dħul b’xejn
Ballu Tritoni 18 se jseħħ madwar il-Funtana tat-Tritoni qabel id-daħla tal-Belt Valletta. Il-kumpaniji tal-Karnival kollha kif ukoll il-pubbliku ġenerali hu mistieden jieħu sehem. Il-ballu, li se jibqa’ għaddej sa tard billejl, se jkollu l-parteċipazzjoni ta’ DJs lokali kif ukoll spettaklu mill-Big Band Brothers.