Jitħallas miljuni wara li erbiċida kkawżatlu kanċer

Il-kumpanija mill-Istati Uniti Monsanto ġiet ordnata tħallas $289 miljun (madwar €250 miljun) lil raġel wara li ġuri sab lill-kumpanija ħatja li erbiċida tagħha kkawżatlu l-kanċer.

Skont il-midja internazzjonali, Dewayne Johnson ta’ 46 sena kien juża’ l-prodott Roundup li joqtol il-ħaxix ħażin regolarment. Il-ġuri sab li l-kumpanija ma kinitx avżat lir-raġel bil-perikli assoċjati mal-prodott tagħha. Qal li l-kumpanija “ħadmet b’malizzju jew oppressjoni”. Il-każ dam xahar sħiħ għaddej. Monsanto qalet li se tkun qed tappella mill-verdett.

L-avukati tar-raġel qalu li kellhom l-opportunità li jiżvelaw komunikazzjoni sigrieta ta’ Monsanto li turi li kienu jafu li r-Roundup jista’ jikkawża l-kanċer.

Waħda mill-kimiċi prinċipali fir-Roundup huwa l-glyphosate li huwa użat bħala erbiċida madwar id-dinja. Skont Monsanto, mhemmx rabta bejn il-glyphosate u l-kanċer. Qalet li l-imejls li ġew żvelati mill-avukat tar-raġel ittieħdu barra mill-kuntest tagħhom.

F’Novembru tal-2017, l-Unjoni Ewropea approvat l-użu tal-glyphosate għall-ħames snin li ġejjin. Malta kienet ivvutat kontra din id-deċiżjoni.

Skont l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO), il-kimika glyphosate “aktarx tikkawża l-kanċer”.

Il-glyphosate jintuża’ f’Malta.