Jitħaffef ix-xogħol fuq it-toroq f’Għawdex grazzi għall-coronavirus

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li l-Ministeru qed japprofitta mit-tnaqqis drastiku fit-traffiku bejn Malta u Għawdex, biex itejjeb it-toroq li jwasslu għall-Port tal-Imġarr. Camilleri kien qed iwieġeb numru ta’ mistoqsijiet supplementari waqt il-ħin tal-mistoqsijiet.

Huwa qal li wara l-miżuri li ttieħdu mill-awtoritajiet tas-saħħa li waqqfu l-vjaġġi bla bżonn bejn Malta u Għawdex, il-ministeru ħa din l-opportunità biex itejjeb l-infrastruttura mingħajr ma joħloq inkonvenjent bla bżonn. 

Camilleri spjega li Triq iż-Żewwieqa li twassal għall-Qala tlestiet ix-xahar li għadda, waqt li Triq Sant’Antnin f’Għajnsielem li serviet bħala triq alternattiva sakemm intemm ix-xogħol fuq Triq iż-Żewwieqa qed isir bħalissa b’investiment ta’ €8 miljun. Ix-xogħol mistenni jieħu tliet xhur waqt li x-xogħol fuqTriq l-Imġarr mistenni jieħu iktar fit-tul minħabba s-sejba ta’ fdalijiet arkeoloġiċi. Huwa qal li Triq l-Imġarr li ilha magħluqa minn Novembru tal-2018, hi mibnija fuq it-tafal u ċediet parti mit-triq qabel beda x-xogħol.

Camilleri qal li l-Gvern qed jagħmel minn kollox biex ilesti x-xogħol mill-aktar fis possibbli.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn