Jitħabbru żewġ pontijiet ġodda fl-Imsida

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg ħabbar li se jinbnew żewġ pontijiet (flyovers) ġodda fl-Imsida. The Msida Creek Project, li se jkun qiegħed jintroduċi żewġ pontijiet b’tul ta’ 175 metru ’l wieħed minflok it-traffic lights junction li tgħaqqad Triq Marina, Triq il-Wied tal-Imsida u Triq Mikiel Anton Vassalli. Minn dawn it-toroq jgħaddu madwar 4,500 vettura f’siegħa.

Il-Ministru Borg qal li dan hu proġett ieħor essenzjali għall-isfidi tat-traffiku u konġestjoni li hemm f’din il-lokalità, u li se jkun qed inaqqas ukoll ir-riskju tal-inċidenti u jtejjeb il-kwalità tal-arja.

Huwa spjega li permezz ta’ din l-intersection ġdida li se tkun fuq livell separat, se tkun qed tiżdied l-effiċjenza u l-kapaċità ta’ din il-ħolqa importanti, filwaqt li se jkun qed isir ukoll titjib tal-konnessjonijiet l-oħra fl-inħawi, bħal dik ta’ bejn Ta’ Xbiex u Triq il-Marina, minn Triq il-Wied tal-Imsida u minn u lejn ir-roundabout tal-iskatepark.

Il-Ministru Borg żied jgħid li dan il-proġett se jtejjeb ukoll l-inħawi bi spazju miftuħ rikreattiv viċin il-Monument tal-Ħaddiema, faċilitajiet pedonali fosthom żewġ pontijiet pedonali aktar sikuri minflok il-pelican crossings eżistenti u 100 spazju ta’ parkeġġ ġdid.