Jitħabbru ‘soluzzjonijiet’ għall-istudenti Għawdxin f’Malta

Il-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana, ħabbret li se jitnieda studju preliminarju biex jinsab post fejn tista’ tinbena hostel ġdida għall-istudenti Għawdxin f’Malta, sabiex jittaffhielhom il-piż tal-kera.  
Dan ħabbritu Dr Caruana fil-Parlament il-ġimgħa li għaddiet, waqt id-diskors tagħha dwar il-Baġit, fejn elenkat diversi inizjattivi li l-Ministeru għal Għawdex qed jaħdem fuqhom.
Dr Caruana fakkret ukoll li l-Gvern ħareġ sejħa pubblika għal servizz ta’ park and ride għall-port tal-Imġarr, u li se jitnieda studju dwar il-proġett, sabiex il-ħaddiema u l-istudenti Għawdxin li jkollhom jaqsmu l-fliegu kuljum għax-xogħol jew għall-istudju ma jkollhomx għalfejn iħabblu rashom dwar il-problemi tat-traffiku jew tal-parkeġġ kif jaslu Malta.
“Nisperaw li dawn l-inizjattivi fl-aħħar jitwettqu” – GUG
Il-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG) laqa’ dawn l-inizjattivi iżda saħaq fi stqarrija li dawn is-servizzi se jkunu qed jgħinu lil eluf ta’ persuni, u għalhekk għandhom jitwettqu mill-iktar fis.
Il-GUG esprima d-diżappunt tiegħu li l-proposta ta’ servizz mgħaġġel tal-vapur t’Għawdex, il-fast ferry service, ma ssemmietx fil-baġit, iżda apprezza li s-servizz ġie diskuss fil-konferenza ta’ EY il-ġimgħa li għaddiet.
L-organizzazzjoni wriet it-tama tagħha li ċ-ċermen tal-Gozo Channel, Joe Cordina, iżomm kelmtu hekk kif wiegħed li s-servizz se jibda jaħdem mis-sena d-dieħla.