Jitħabbru servizzi ġodda li se joffri l-Qorti

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici ħabbar servizzi ġodda li se jiġu offruti mill-Qorti. Minn Ġunju li ġej, se jiġi mniedi servizz fejn ir-referiti tal-marexxali se jiġu kkomunikati b'imejl lill-prokuratur legali jew l-avukati tal-partijiet. Sostna li permezz t'hekk mistenni li jonqsu l-kawżi li jiġu diferiti minħabba li parti ma tattendix għax ma tkunx notifikata.
Bonnici qal li r-riforma għandha ssir fl-emendi leġiżlattivi kif ukoll b'servizzi żgħar li jagħmlu d-differenza. Faħħar servizzi ġodda fosthom id-diferimenti bl-SMS, ix-xhieda li kienet tinġabar manwalment issa qed tintbagħat b'imejl ukoll u kif att ġudizzjarju f'Malta u Għawdex jidħlu fl-istess reġistru.
Il-Ministru Bonnici qal li twaqqaf customer care unit li qed jgħin lill-pubbliku filwaqt li naqsu wkoll il-kjuwijiet tan-nies li jkollhom jistennew biex jidħlu l-Qorti. Owen Bonnici jemmen li dawn is-servizzi ġodda se jgħinu biex jonqsu l-kawżi li jiġu diferiti. Saħaq li wara dawn il-proċeduri se jidħlu miżuri għas-sezzjoni kriminali.