Jitħabbru r-rebbieħa tal-Premju Terramaxka

Read in English.

Ilbieraħ fetaħ uffiċjalment il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020, li qed isir għall-ewwel darba kollu online. Kif jiġri kull sena, il-Festival jiftaħ biċ-Ċerimonja tal-Għoti tal-Premjijiet tal-Premju Terramaxka għat-Tfal u ż-Żgħażagħ. Is-serata tmexxiet minn Chrysander Agius u Daniel Chircop (Danusan) u ġiet irrekordjata, mingħajr nies f’Dar il-Mediterran minn fejn bosta mill-attivitajiet tal-Festival ta’ dis-sena se jkunu qed jixxandru.

Fil-kumment tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri, irringrazzja lill-pubbliku tal-interess tiegħu fil-Festival minkejja ċ-ċirkostanzi differenti li fihom qed isir. Camilleri feraħ lir-rebbieħa tal-Premju Terramaxka, u qal li l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Terramaxka huma xhieda tal-aħjar kotba ppubblikati lokalment. Ħeġġeġ lil kull kittieb biex jibqa’ għaddej b’xogħlu. Finalment, Camilleri għadda messaġġ lill-pubblikaturi biex ma jaqtgħux qalbhom f’dan iż-żmien, żied li l-ktieb xorta jibqa’ għodda ewlenija għall-iżvilupp intellettwali u kulturali tal-pajjiż u enfasizza l-bidla importanti tal-industrija kollha għall-online, li l-Festival innifsu qiegħed jixpruna.

Qabel ma tħabbru r-rebbieħa nqraw xi paġni minn wieħed mill-kotba rebbieħa tal-Premju Terramaxka tal-2019, jiġifieri ‘Amina’ ta’ Antoinette Borg, li kien rebaħ il-kategorija għall-kotba oriġinali għal żgħażagħ bejn it-13 u s-16-il sena.

Iċ-ċerimonja kompliet b’Danusan iħabbru l-kotba rebbieħa f’kull kategorija, flimkien ma’ intervista qasira li saret mal-awturi rebbieħa. B’kollox kien hemm sitt premji li ngħataw f’żewġ kategoriji ta’ kotba oriġinali għal tfal bejn 0-7 snin u 8 u 12-il sena, tliet rebbieħa oħra għal tliet kategoriji ta’ kotba maqlubin għall-Malti għal tfal bejn 0-7, 8-12 u 13-16-il sena, u premju għall-pubblikatur bl-aħjar produzzjoni ta’ ktieb bl-isbaħ dehra.

Wara t-tħabbira tar-rebbieħa xxandar filmat li fih il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, l-Onorevoli Owen Bonnici, irringrazzja lill-KNK talli xorta waħda ħadem sabiex il-pubbliku ma jitlifx l-opportunità li jgawdi l-Festival anki dis-sena. Qal li jqis il-Festival okkażjoni tajba għall-istudenti biex jiżviluppaw ħiliet relatati mal-apprezzament tal-kotba u l-qari, il-kapaċità li jagħżlu ktieb tajjeb għalihom u ċ-ċans biex jiffamiljarizzaw ruħhom mal-pubblikaturi u l-offerti tagħhom. Finalment, stieden lill-pubbliku kollu biex isegwi l-attivitajiet li se jsiru għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020 – edizzjoni virtwali.

Ir-rebbieħa kollha tal-Premju Terramaxka 2020

Kategorija: xogħlijiet oriġinali (0-7)

Sandra Hili Vassallo bil-ktieb Mikelin (Merlin Publishers). Illustrazzjonijiet ta’ Susanna Rumiz.

Kategorija: xogħlijiet oriġinali (8-12)

Leanne Ellul bil-ktieb L-Istorja ta’ Seb it-Tieni (u ta’ Seb l-Ewwel ukoll) (Merlin Publishers). Illustrazzjonijiet ta’ Noémie Gionet Landry.

Kategorija: xogħlijiet maqlubin għall-Malti (0-7)

Clare Azzopardi bil-ktieb Ottu Ma Jridx Jikber (Merlin Publishers).

Kategorija: xogħlijiet maqlubin għall-Malti (8-12)

Leanne Ellul u Clare Azzopardi bil-ktieb L-Ispettaklu Stupend Żanżan Kelma (Merlin Publishers).

Kategorija: xogħlijiet maqlubin għall-Malti (13-16)

John A. Bonelli bil-ktieb Żero (Merlin Publishers).

Kategorija: premju għall-aħjar produzzjoni tal-kotba

Merlin Publishers għall-ktieb Noé u l-Iskojjattlu Bla Kwiet. It-tim organizzattiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jawgura Festival ieħor mill-aħjar lill-pubblilku ġenerali, u jistiednu jidħol fuq il-paġna tal-Facebook tal-KNK jew fuq is-sit www.ktieb.org.mt biex isegwi l-attivitajiet kollha tal-Festival. Biex tixtri l-kotba u tibbenefika minn offerti speċjali għall-jiem tal-Festival żur dil-paġna.

Dan it-tagħrif twassal mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.