Jitħabbru r-rebbieħa tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef 2020

Ir-rebbieħa tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef 2020 tħabbru l-Ġimgħa 13 ta’ Novembru, waqt ċerimonja ppreżentata minn Coryse Borg bħala parti mill-programm tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020 – edizzjoni virtwali.

Minn 47 sottomissjoni li ddaħħlu għall-konkors ta’ dis-sena, il-poeżija rebbieħa hija ‘Dokumentazzjoni tal-Minuti Mnikkra Fik’ ta’ Klara Vassallo, li ngħatat ukoll €1,000. Il-ġurija għal dit-tieni edizzjoni tal-Konkors kienu Dr Immanuel Mifsud, Nadia Mifsud u John Aquilina.

Għalhekk Klara Vassallo hija t-tieni u l-iżgħar rebbieħa sa issa tal-Konkors mindu beda. Il-Konkors iġib l-isem ta’ Doreen Micallef, l-awtriċi ta’ ġabra ta’ poeżiji konfessjonali b’tixniq spiritwali u romantiku, li kienet attiva sa minn żmien il-Moviment Qawmien Letterarju. Nadia Mifsud kellha xi tgħid hekk dwar dil-poeżija “forma li tmur ‘il hinn minn dak li wieħed jistenna, kitba moderna, ritmu tajjeb ħafna – taħlita ta’ versi twal u versi iqsar li hija effettiva…u xbihat interessanti ħafna”. 

Dis-sena t-tieni Premju mar għand Louis Briffa bil-poeżija ‘Tgħix Irridek’, u t-tielet Premju ħadu Jesmond Sharples għal ‘F’Posti’.

Fil-kummenti tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-KNK, Mark Camilleri, feraħ lirt-rebbieħa u faħħar lil kull min ħa sehem tal-kuraġġ biex jissottometti xogħlu. Żied jgħid li l-Konkors issemma għal Doreen Micallef għax minkejja li kienet pijuniera femminili tal-Poeżija Maltija qatt ma rċeviet l-apprezzament li kien jistħoqqilha. Allura Doreen Micallef għandha taspira poeti ġodda u stabbiliti biex ikomplu jilħqu qċaċet ġodda fil-kitba poetika.

Il-konkors huwa miftuħ għal poeti ta’ kull età u jippremja poeżiji oriġinali ta’ mhux aktar minn 36 vers li qatt ma ġew ippubblikati qabel – l-evalwazzjoni tal-poeżiji ssir b’mod anonimu. Is-sejħa dis-sena fetħet f’Ġunju.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jirringrazzja lil dawk kollha li ssottomettew xogħolhom għall-Konkors u lill-ġurija. L-edizzjoni li jmiss tiftaħ f’Ġunju tal-2021.

Dan it-tagħrif twassal mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.