Jitħabbru r-rebbieħa tal-Kompetizzjoni ‘Make Your Money Stocks & Shares Portfolio’

Saint Martin’s Institute of Higher Education, istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja liċenzjata mill-Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla u Istituzzjoni Affiljata mal-Università ta’ Londra, ħabbar ir-rebbieħa tal-ewwel Kompetizzjoni ‘Make Your Money Stocks and Shares Portfolio’ għall-2017.
Il-Bank of Valletta p.l.c. appoġġja dan l-avveniment li kien jikkonsisti f’sessjoni ta’ ħidma ta’ nofstanhar, segwita minn xahrejn li matulhom il-parteċipanti fil-kompetizzjoni ġew assenjati s-somma virtwali ta’ $ 100,000 biex jinvestuha fuq il-Borża ta’ New York.
Il-portafoll rebbieħ bl-aqwa prestazzjoni fil-kategorija taż-żgħar għal persuni taħt l-20 sena kien ta’ Odin Mamo Haraldson, li rnexxielu jżid il-valur tal-portafoll tiegħu għal ftit biss taħt il-$ 130,000, filwaqt li l-kategorija ġenerali ntrebħet minn Aaron Gusman li l-portafoll tiegħu laħaq il-livell ta’ $ 118,000.
Romeo Cutajar, iċ-Chief Officer responsabbli għas-Servizzi ta’ Investiment fil-Bank of Valletta ppreżenta l-premjijiet lir-rebbieħa taż-żewġ kategoriji.
L-Istitut tella’ r-reġistrazzjoni tas-sessjoni ta’ ħidma fit-taqsima tal-ambjent tat-tagħlim virtwali tiegħu, u l-persuni interessati jistgħu jirreġistraw u jsegwu din is-sessjoni mingħajr ħlas minn hawnhekk.