Jitħabbru r-rebbieħa tal-ewwel edizzjoni tal-Premju Nazzjonali fil-Qasam tad-Dimensja

Ritratt: DOI

Tħabbru r-rebbieħa tal-ewwel edizzjoni tal-Premju Nazzjonali fil-Qasam tad-Dimensja. Ir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali fil-Qasam tad-Dimensja 2019 huma:

Premju għall-Kontribut Eċċezzjonali fid-Dimensja: L-Iskola Primarja Ħal Għargħur:

B’inizjattiva interġenerazzjonali sabiex tippromwovi l-għarfien fid-dimensja, madwar 28 student tal-ħames sena, żaru dar tal-anzjani fejn iltaqgħu wkoll ma’ anzjani bid-dimensja.

Dan wassal biex ttellgħet preżentazzjoni li kienet tikkonsisti f’reċta u kant dwar id-dimensja, fl-Iskola tal-Għargħur u fl-Iskola Primarja ta’ Pembroke sabiex titqajjem kuxjenza ma’ studenti oħra, kif ukoll mal-ġenituri.

Premju Carer Informali: is-Sinjura Beatrice Barbara:

Persuna li ilha tieħu ħsieb lill-ġenituri tagħha għal numru ta’ snin, speċjalment lil missierha bid-dimensja, li wassal biex kellha tagħmel diversi deċiżjonijiet iebsin f’ħajjitha sabiex tagħti preċedenza lill-kura tal-ġenituri tagħha.

Persuna li tipprova tgħin ukoll lill-nies oħra li huma għaddejjin minn esperjenza simili; saħansitra fetħet paġna fuq Facebook fejn fiha titkellem fuq l-esperjenzi li għaddiet minnhom, u l-isfidi li rnexxilha tegħleb.

Premju Professjonist/Tim fil-Qasam tad-Dimensja: Is-Sinjura Charlotte Stafrace:

Persuna li tikkordina u toħloq attivitajiet kreattivi għall-individwi bid-dimensja. Hija twettaq ix-xogħol tagħha b’passjoni u b’enerġija pożittiva, liema enerġija tiġi trasmessa ukoll mal-klijenti tagħha.

Persuna li kienet involuta f’diversi proġetti fil-qasam tad-dimensja, fosthom il-proġett “Making Memories” li sar b’kollaborazzjoni ma’ Active Age Malta.