Konrad Mizzi jieħu f’idejh is-saħħa fost it-tibdil fil-Kabinett

Il-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi se jkun qed jingħata wkoll ir-responsabbiltà tas-settur tas-saħħa b'Dr Chris Fearne se jkun ukoll is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa fi ħdan l-istess Ministeru. Dan wara li aktar kmieni llum Godfrey Farrugia rriżenja minn Ministru tas-Saħħa.
Fi stqarrija l-Gvern ħabbar li Dr Michael Farrugia se jkun il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali wara li Marie Louise Coleiro Preca se tinħatar President ta' Malta.
Fost aktar tibdil fil-Kabinett, Dr Justyne Caruana se tinħatar Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabiltà u Anzjanità Attiva.
Dr Owen Bonnici se jkun Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali filwaqt li Dr Stefan Buontempo se jkun is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali.
Dr Edward Zammit Lewis se jkun il-Ministru għat-Turiżmu minflok Karmenu Vella li se jkunu nominat għall-kariga ta' Kummissarju Ewropew.
Dr Michael Falzon se jinħatar Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni Amministrattiva.
Chris Agius se jkun Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Dr José Herrera se jkun is-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u Tkabbir Ekonomiku fil-Ministeru għall-Ekonomija.
Tħabbar ukoll li Carmelo Abela se jibda jaqdi l-funzjoni ta’ Kelliem għall-Gvern u jżomm il-funzjoni tiegħu ta' Whip, Tony Agius Decelis se jkun il-Kummissarju kontra l-Burokrazija.
Dawn il-ħatriet mistennija jidħlu fis-seħħ minn nhar l-Erbgħa li ġej, wara li Marie Louise Coleiro Preca tinħatar uffiċjalment President ta' Malta.
It-tibdil fil-Kabinett kien mistenni jsir wara li Coleiro Preca tinħatar President, iżda r-riżenja tal-Ministru tas-Saħħa waslet biex Dr Joseph Muscat jikkanċella attivita fl-Universita ta' Malta u minflok kellu diversi laqgħat dwar il-Kabinett il-ġdid fir-residenza uffiċċjali tiegħu fil-Girgenti.
Aktar kmieni llum, il-Partit Nazzjonalista qal li l-aħbar ta’ żewġ riżenji mill-Kabinett fi ftit sigħat tkompli toħroġ fil-beraħ kwalitajiet koroh fl-istil ta’ tmexxija ta’ Dr Muscat.
Il-Partit Nazzjonalista qal li Dr Muscat kien wiegħed ‘l-aqwa kabinett fl-istorja ta’ Malta’ u wara biss sena fil-Gvern, din hija wegħda oħra minn sensiela, li diġa’ taru mar-riħ.