Jitħabbru l-finalisti tal-Premju għall-Impatt Soċjali

Tħabbru t-tmien finalisti għall-Premju għall-Impatt Soċjali 2017. Din l-inizjattiva hi mmirata biex tressaq flimkien is-settur privat u s-settur ta’ dawk li jaħdmu mingħajr qligħ. L-inizjattiva toffri opportunitajiet, kemm finanzjarji kif ukoll le, biex dawk fis-settur jiżviluppaw proġetti b’effett pożittiv fuq Malta.
It-tmien finalisti magħżula rċivew appoġġ mhux finanzjarju mis-servizz ta’ pariri ta’ TAKEOFF Malta, biex ikunu jistgħu jiżviluppaw il-proġetti tagħhom.
Dawn il-proġetti huma frott ta’ kollaborazzjoni bejn in-negozji Maltin u fondazzjonijiet ta’ kumpaniji, li flimkien ġabru €100,000 biex jingħataw bħala grant lill-iktar sottomissjonijiet effettivi.
Se jingħata wkoll il-Premju tal-Parteċipazzjoni tal-Udjenza lil dak il-proġett favorit mal-udjenza, li juru dan permezz tal-kontribuzzjoni tagħhom waqt dan l-avveniment meta jingħataw 100% tal-kontribuzzjoni lil xi proġett.
It-tmien finalisti għal dan il-premju huma The Malta Hospice Movement, Relationships are Forever, Malta Youth Athletes Network, Migrant Women Association Malta, Terra Firma Collective, Green Roads Malta, Contribute Malta, u OOPS, l-organizzazzjoni ta’ studenti tal-psikoloġija.
Iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni se ssir fis-16 ta’ Novembru 2017.