Jitħabbru l-finalisti għal LUX Film Prize 2017

It-tliet films finalisti għal LUX Film Prize 2017 tħabbru minn Antonio Tajani, President tal-Parlament Ewropew, nhar il-25 ta’ Lulju, f’Ruma waqt konferenza tal-aħbarijiet ta’ Giornate degli Autori (Venice Days). Il-films li qegħdin jikkompetu fil-ħdax-il edizzjoni tal-premju ċinematografiku tal-Parlament Ewropew huma:

  •     BPM (Beats per minute), ta’ Robin Campillo (Franza)
  •     Sámi Blood, ta’ Amanda Kernell (Żvezja, Danimarka, Norveġja)
  •     Western, ta’ Valeska Grisebach (Ġermanja, Bulgarija, Awstrija)

BPM (Beats per minute) tad-direttur Franċiż Robin Campillo jittratta s-solitudni, is-sens ta’ umoriżmu u d-determinazzjoni ta’ grupp ta’ attivisti li qegħdin jiġġieldu, fis-snin disgħin fi Franza, għal aktar viżibbiltà tal-pjaga tal-AIDS u għal aktar progress fil-prevenzjoni u l-kura ta' din il-marda. (Tista' tara t-trailer hawnhekk)
Sámi Blood tad-direttriċi Żvediża Amanda Kernell jirrakkonta l-istorja ta’ tfajla minn Lappland li fis-snin tletin telqet lil hinn mill-komunità fejn trabbiet biex tgħix u tidentifika ruħha mas-soċjetà Żvediża, iżda hija tħabbat wiċċha ma’ razziżmu. (Tista' tara t-trailer hawnhekk)
Western tad-direttriċi Ġermaniza Valeska Grisebach huwa film ta' ġeneru western modern li jittratta kwistjonijiet ta’ immigrazzjoni ekonomika u integrazzjoni bi storja ta’ ħaddiema Ġermaniżi li qegħdin jibnu impjant tal-enerġija idroelettrika f’ambjent naturali mill-isbaħ tal-Bulgarija. (Tista' tara t-trailer hawnhekk)
"Il-Premju LUX mhux biss iqarreb iċ-ċinema lejn iċ-ċittadini, iżda wkoll l-Ewropa lejn l-Ewropej. Permezz ta' dan il-premju, il-Parlament Ewropew jippromwovi u jappoġġa l-industrija tal-films Ewropea, fi żmien meta din hija mhedda minn preżenza li dejjem qiegħda tikber ta' pjattaformi onlajn", qal il-President Tajani.
Films Ewropej fis-swali taċ-ċinema Ewropej
It-tliet films finalisti se jkunu fis-swali taċ-ċinema Ewropej fil-ġimgħat li ġejjin, iżda l-aħjar żmien biex tarahom huwa matul il-ġranet LUX Film Days fil-ħarifa ta’ din is-sena. Grazzi għall-appoġġ tal-Parlament Ewropew it-tliet films finalisti se jkunu sottotitolati fl-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u se jintwerew f’aktar minn 50 belt u f’bosta festivals madwar l-Ewropa kollha.
Il-film rebbieħ jintgħażel mill-MEPs u jitħabbar nhar il-15 ta’ Novembru matul is-sessjoni plenarja ta’ Strasburgu fil-preżenza tad-diretturi. Il-film rebbieħ se jiġi adattat ukoll għal dawk neqsin mid-dawl u mis-smigħ u se jingħata appoġġ għal promozzjoni internazzjonali.
Aktar informazzjoni: Official Lux Film Prize website