Jitħabbru l-atturi ta’ Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi

Kif kien tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu, matul dan is-sajf se jkun qed isir il-ġbid tal-film Is-Sriep Reġgħu Saru Valenużi ta’ Alex Vella Gera li l-pubblikaturi Merlin kienu ħarġu bħala ktieb fl-2012.

F’dan it-thriller li jseħħ bejn l-1984 u l-2012 isseħħ l-istorja fl-isnin imqallba f’pajjiżna tat-Tmeninijiet u naraw ukoll l-istorja fittizja li fil-qofol tagħha hemm pjan biex jinqatel l-eks Prim Ministru Dom Mintoff.

Il-producer hu l-fundatur tax-Shadeena Entertainment Martin Bonnici li se jidderieġi fuq skript ta’ Teodor Reljic. Il-fondi għall-film se jingħataw mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb  wara li l-applikazzjoni tagħhom kienet aċċettata mill-Kunsill is-sena l-oħra.

Fl-aħħar ġranet fuq il-paġna uffiċjali ta’ Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi tħabbar ukoll il-cast ta’ atturi. Dawn huma Theresa Gauci, magħrufa għas-sehem tagħha f’uħud mill-aqwa sensiliet li dehru f’dawn l-aħħar snin fuq it-televiżjoni lokali.

Se nkunu qed naraw ukoll lil Gianni Selvaggi, Tina Rizzo, Christian Galea, Joe Azzoaprdi (li dan l-aħħar rajnieh fil-film għaċ-ċinema The Boat), Matthew Maggi, Joseph Zammit (li naraw fis-sensiela L-Għarusa), Erica Muscat, il-preżentatur u attur Ronald Briffa, kif ukoll l-attur Paul Portelli, li ħadem f’numru kbir ta’ produzzjonijiet televiżivi f’Malta u oħrajn li nħadmu f’pajjiżna, u riċentement kien il-protagonista tal-film Limestone Cowboy.

Noel Sammut Petri jasal lura Malta minn Brussell fl-2012 għall-funeral ta’ ommu u jibda jikxef xi sigrieti ta’ familtu. Minn hawn jibdew jidħlu l-karattru l-oħra u nsiru nafu aktar dwar il-pjan ta’ assassinju li jkun qed jinħema.

Ir-rumanz Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi, li fuqu huwa bbażat dan il-film, kien rebaħ il-premju għall-Aħjar Ktieb fl-2013.