Jitħabbru l-artisti li se jdoqqu qabel Winter Moods nhar is-Sibt

The New Victorians u Joe Roscoe se jdoqqu qabel Winter Moods fil-kunċert ta’ nhar is-Sibt li ġej, fil-Forti Sant Iermu.
B’dan il-kunċert Winter Moods se jkunu qed jiċċelebraw it-30 sena ta’ mużika tagħhom, filwaqt li jgħinu lil Puttinu Cares. Id-dħul mill-biljetti se jmur kollu għal Puttinu.
The New Victorians hu duo ta’ aħwa bniet, Bettina li għandha 22 sena u Philippa ta’ 19-il sena, li ħadmu flimkien minn meta kienu għadhom żgħar. Għadhom kif nedew l-ewwel album tagħhom Seeker, Seeker, fil-festival tal-Earth Garden. Il-mużika tvarja minn folk għal electronic, pop u jazz, u tinkludi l-iktar diska riċenti tagħhom, Keep Me In Love.
Joe Roscoe hu kantawtur Malti/Ingliż li jdoqq mużika folk u akustika. Fl-2012 ħareġ żewġ kanzunetti: How I Feel About You u Side By Side, li telgħu fil-quċċata taċ-charts lokali. Joe qed jaħdem fuq materjal ġdid u se joħroġ il-ħames kanzunetta tiegħu dalwaqt.
F’dan il-kunċert Winter Moods se jdoqqu kanzunetti mill-karriera tagħhom ta’ 30 sena, fosthom Sarah, Marigold, Everyday Song, My Neverland, Days of My Life u Everlasting.
Biljetti għall-kunċert huma ta’ €15 għal General Standing u €25 għal Inner Circle Standing (li jinkludi kopja tal-album The Journey). Biljetti jistgħu jinkisbu minn www.ooii.com.mt jew minn 80074117.