Jitħabbru l-5 bajjiet ‘pet-friendly’

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Ħarsien tal-Annimali Roderick Galdes ħabbar il-lista ta’ bajjiet li fihom jistgħu jgħumu l-klieb. Dawn huma Daħlet ix-Xmajjar fl-Aħrax tal-Mellieħa, Baħar ic-Ċagħaq, Tigne’ Point f’Tas Sliema, Xatt is-Sajjieda f’Marsaxlokk u l-bajja taż-Żebbuġ f’Għawdex.

F’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ħabbar dan, Roderick Galdes saħaq dwar l-importanza li s-sidien tal-klieb jimxu mar-regolamenti. Fosthom semma li l-klieb iridu jinżammu biċ-ċinga f’kull ħin u biex jinġabar xi ħmieġ li jistgħu iħallu. Qal li se jingħataw multi għal min ma josservax dawn ir-regolamenti.

Il-ġimgħa l-oħra waqt il-programm Newsbook fis-Sajf, is-Segretarju Parlamentari kien ħabbar li l-gvern qed jaħdem fuq din il-lista ta’ bajjiet.

Ritratti: DOI – Pierre Sammut