Filmat: Jitħabbru inċentivi għal dawk b’mezzi ta’ trasport sostenibbli

Read in English.

Tħabbru inċentivi għal dawk li għandhom mezzi ta’ trasport sostenibbli jew beħsiebhom jinvestu fihom.

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport Ian Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet illum, b’investiment ta’ €3.5 miljun fi skemi finanzjarji f’forma ta’ grants sabiex jinċentivaw u jgħinu lil dawk li investew jew beħsiebhom jinvestu f’mezzi tat-trasport aktar sostenibbli.

Il-pakkett finanzjarju se jkun maqsum f’erba’ skemi differenti – skema favur ix-xiri ta’ vetturi M1 li jniġġsu inqas b’allokazzjoni ta’ €1.8 miljun, skema għal vetturi elettriċi inkluż pedelecs u muturi żgħar b’allokazzjoni ta’ €1.6 miljun, skema għall-bidla għal LPG/Autogas b’allokazzjoni ta’ €100,000 u l-iskema li tinċentiva x-xiri ta’ vetturi għat-trasport tal-passiġġieri li huma aċċessibbli għas-siġġijiet tar-roti.

Il-Ministru stqarr, “Irridu ngħinu lil dawk kollha li fil-bidu ta’ din is-sena raw li jagħmlu għażliet aktar responsabbli li jimxu mal-viżjoni li l-Gvern għandu għas-settur tat-trasport. Dawk kollha li din is-sena xtraw vettura eliġibbli għal waħda minn dawn l-iskemi jistgħu japplikaw u jieħdu l-grant b’lura. Sadanittant, l-iskema hija miftuħa wkoll għal dawk kollha li matul il-bqija ta’ din is-sena beħsiebhom jibdlu l-mezz tat-trasport tagħhom għal wieħed aktar sostenibbli. Is-sena l-oħra kellna aktar minn 2,000 applikant li bbenefikaw minn pakkett simili,” qal il-Ministru Ian Borg.

Għal aktar informazzjoni dwar l-iskemi, tista’ żżur is-sit elettroniku tal-Gvern jew iċċempel fuq 80072393.