Jitħabbru d-dettalji tal-inkjesta dwar il-ħelicopter tal-isptar f’Għawdex

Ir-ritratt ittella' fuq Facebook mill-Kap Eżekuttiv Joseph Fenech nhar il-Ġimgħa 24 ta' Awwissu fil-5pm.

L-inkjesta li ġiet ordnata lbieraħ mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne se titmexxa mill-Professur Joseph Cacciottolo.

Ma’ Newsbook.com.mt, kelliema għall-Ministru Chris Fearne qalet li l-inkjesta se ssir dwar il-każ ta’ evakwazzjoni medika bejn l-isptar Ġenerali t’Għawdex u l-isptar Mater Dei.

Mal-Professur Cacciottolo, jgħinuh fl-inkjesta hemm l-avukata Josette Sultana u l-Inġinier Noel Psaila.

L-inkjesta se tkun qed tinvestiga l-fatti u tirraporta jekk kienx hemm xi nuqqasijiet fis-sistema billi tanalizza s-sistema u tistabilixxi u tiddetermina l-proċess fil-każ partikolari.

L-inkjesta qed issir fuq dak li ġara f’Għawdex nhar il-Ġimgħa li għaddiet fejn kien irrappurtat li l-ħelicopter tal-kumpanija Steward Healthcare ma kienx qed jaħdem.

Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said qal fuq Facebook li fl-istess ġurnata, pazjent iddaħħal l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex filgħodu f’kundizzjoni kritika u ma ttiħidx lejn l-Isptar Mater Dei qabel l-4.30pm.

Professjonisti li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li l-pazjent kien f’qagħda kritika u kien għalhekk li t-tobba ordnaw li jittieħed l-Isptar Mater Dei b’urġenza. Ġara li l-ambulanza tal-ajru ma kinitx qed taħdem u għalhekk iddaħħal fis-sala tas-CCU sakemm reġgħet iddaħħlet taħdem l-ambulanza tal-ajru.