Jitħabbru d-dati għall-insib tal-malvizz u tal-pluviera

Read in English.

Il-Gvern ħabbar li l-istaġun għall-insib tal-malvizz se jiftaħ nhar it-Tlieta li ġej u jibqa’ miftuħ sal-Ħamis 31 ta’ Diċembru, iż-żewġ dati inklużi. L-istaġun għall-insib tal-pluviera jiftaħ il-Ħadd, l-1 ta’ Novembru u jibqa’ miftuħ sal-Ħadd, 10 ta’ Jannar 2021, iż-żewġ dati inklużi.

Il-ħinijiet permessi għall-insib tal-malvizz u l-pluviera huma minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa sagħtejn wara nżul ix-xemx, matul il-ġranet kollha tal-istaġun. L-insib billejl huwa pprojbit.

Il-kwoti

Il-kwota nazzjonali tal-malvizz hija 5,000 u l-kwota nazzjonali tal-pluviera hija 700. L-istaġun għall-ispeċi jagħlaq malli tintlaħaq il-kwota nazzjonali tagħha u jibqa’ miftuħ għall-ispeċi l-oħra li l-kwota tagħha tkun għadha ma ntlaqħitx. M’hemmx kwoti individwali, la tal-istaġun u lanqas tal-ġurnata.

Kull malvizz jew pluviera mlibbsa ċurkett xjentifiku jew satellite-tag li jinqabdu jridu jitniżżlu d-dettalji tagħhom fuq il-formola taċ-ċrieket maħruġa f’isem in-nassab (mhux rappurtati permezz ta’ SMS) li rċieva mal-liċenzja speċjali u jitħarrbu immedjatament.

Il-formoli taċ-ċrieket u l-kalendarju bid-dati meta n-nassab ħareġ jonsob iridu jiġu rritornati kollha lura lill-MaltaPost skont kif se jkun indikat f’ittra li n-nassaba kollha se jirċievu f’Jannar 2021, anke jekk in-nassab ma jkunx qabad imlievez jew pluvieri b’ċurkett xjentifiku jew satellite-tag jew ma nasabx.

Jistgħu jintużaw sa żewġ imnasab minn dura waħda dment li ġew reġistrati għas-sena 2020 u inklużi fil-lista tal-coordinates li ppubblikat it-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU) fuq is-sit elettroniku tagħha.

Il-malji tax-xibka għall-malvizz biss, jew għall-pluvieri u mlievez f’daqqa jridu jkunu mhux inqas minn 35mm x 35mm, sa massimu ta’ 38m² kull xibka. Il-malji tax-xibka għall-pluvieri biss iridu jkunu mhux inqas minn 45mm x 45mm, sa massimu ta’ 60m² kull xibka.

L-għajat u t-taħrik

Il-pluvieri u l-imlievez użati għall-għajat jew għat-taħrik iridu jkunu mlibbsa ċurkett li jintuża darba: aħmar għall-pluvieri u isfar għall-imlievez.

Għajat u taħrik huma permessi sa massimu ta’ 10 b’kollox (eż: 8 pluvieri u 2 t’imlievez) anka jekk ikun hemm aktar minn persuna waħda liċenzjata fuq l-istess stazzjon tal-insib. Mhux permess użu ta’ tisfir irrekordjat minn qabel tal-pluvieri jew imlievez.

Il-Ministeru għal Għawdex qal li kull malvizz u pluviera li jinqabdu jridu jiġu rrappurtati immedjatament permezz ta’ SMS fuq in-numru indikat f’kundizzjoni 13 tal-liċenzja speċjali. Kull min jirrapporta qbid ta’ malvizz jew pluviera jirċievi ittra f’Jannar 2021 bl-ammont ta’ ċrieket li jrid jixtri mill-MaltaPost.

Kull nassab huwa legalment obbligat jirrapporta xi jkun qabad immedjatament, kif spjegat fil-liċenzja speċjali. L-istaġun għall-ispeċi relevanti jingħalaq ladarba tintlaħaq il-kwota ta’ dik l-ispeċi. Tali kwota hija skont kif mitlub mid-Direttiva tal-Għasafar u għandha tiġi rispettata sabiex ikun aċċertat li d-deroga tiġi implimentata b’mod korrett.

Ir-riċerka fuq l-għasafar tal-għana tiftaħ it-Tlieta

Il-Gvern, permezz tal-Ministeru għal Għawdex, ħabbar li l-perjodu ta’ riċerka fuq il-verdun, il-gardell, il-ġojjin, l-apparell, l-isponsun, l-ekru u taż-Żebbuġ se jiftaħ minn nhar it-Tlieta li ġej u jibqa’ miftuħ sal-20 ta’ Diċembru, iż-żewġ dati inklużi.

Kull għasfur tal-għana li jinqabad jiġi ċċekkjat għandux ċurkett xjentifiku u kull għasfur irid jitħarrab immedjatament. Jekk ma jkollux ċurkett xjentifiku jitħarrab immedjatament mingħajr ma jiġi rrappurtat, filwaqt li jekk ikollu ċurkett xjentifiku jitħarrab immedjatament wara li d-dettalji tiegħu jitniżżlu fuq il-formola taċ-ċrieket maħruġa f’isem in-nassab li rċieva mal-liċenzja speċjali.

Il-formoli taċ-ċrieket u l-kalendarju bid-dati meta n-nassab ħa sehem fir-riċerka jridu jiġu rritornati kollha lura lill-MaltaPost skont kif se jkun indikat f’ittra li n-nassaba kollha se jirċievu f’Jannar 2021, anke jekk in-nassab ma jkunx qabad tal-għana b’ċurkett xjentifiku jew ma setax jipparteċipa f’din ir-riċerka.

Il-Ministeru għal Għawdex fakkar li huwa fl-interess tan-nassaba li jkunu familjari mal-kontenut kollu tal-ittra reġistrata li rċivew, speċjalment mal-kundizzjonijiet kollha tal-liċenzja speċjali.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, filwaqt li qal li jħares ’il quddiem għall-ewwel staġun ta’ ricerka tax-xorta tiegħu, fakkar li l-ebda għasfur tal-għana tal-passa li jinqabad ma jista’ jinżamm.