Filmat: Jitħabbru bidliet fil-MATSEC

L-Uffiċċju tal-MATSEC fi ħdan l-Università ta’ Malta ħabbar li se jkun hemm riforma fil-mod kif isir il-programm tal-MATSEC.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet tħabbar li se jsir ristrutturar fis-suġġett magħruf bħala s-Systems of Knowledge, rikonoxximent ta’ attivitajiet barra mill-kurrikulu tal-iskola, bżonn li kull student jistudja mill-inqas lingwa barranija waħda, skema għall-istudenti sportivi, u tibdil dwar kif jingħataw il-marki.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata primarjament mid-Direttur tal-MATSEC Support Unit Dario Pirotta u ċ-Chairperson tal-MATSEC Prof. Frank Ventura intqal li huma ppjanat li r-riformi jidħlu fis-seħħ minn Ottubru tal-2020.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar jekk ir-riforma hux se tinkludi titjib fil-mod ta’ kif l-istudenti jiġu mgħallma, Ventura qal li jisperaw li dan ikun il-każ.

Ventura qal li forsi jkun hemm bidla fuq fejn ikun hemm enfażi – minn enfażi fuq l-għarfien għal enfażi fuq il-kisba tal-ħiliet. Qal ukoll li “probabilment” l-abbilità tal-istudenti fis-suġġetti titjieb.

Systems of Knowledge (SOK)

S’issa dan is-suġġett kien jinvolvi tagħlim relatat mal-arti u l-kultura, l-ambjent, valuri xjentifiċi, u valuri demokratiċi.

Ir-riforma għandha l-għan li tirrefletti integrazzjoni bejn il-ħiliet tal-komunikazzjoni u tal-kultura. Skont il-MATSEC l-għan huwa li tiżdied l-enfażi fuq il-ħiliet tas-seklu 21 u tonqos l-enfażi fuq l-għarfien. Se jitneħħa wkoll ix-xogħol li kien isir mill-istudenti fuq proġett.

Intqal li kien sar stħarriġ mal-istudenti dwar x’jaħsbu dwar is-SOK. Għalkemm kien hemm min qal li s-suġġett ma kienx interessanti, oħrajn qalu li kellu ħafna valur.

Studenti sportivi (Talented Athlete Scheme)

Il-MATSEC għandu l-pjan li jneħħi wieħed mis-suġġetti fuq livell intermedju (Intermediate Level) għal dawk l-istudenti li jkunu jiffokaw fuq l-isport. Dawn l-istudenti jkunu jridu jitħarġu għal mhux inqas minn 10 sigħat fil-ġimgħa.

L-applikazzjonijiet tal-istudenti li jkunu jixtiequ jidħlu f’dan il-programm ikunu jridu jissodisfaw il-kriterji ta’ panel. Waqt il-konferenza, intqal li l-istudenti jridu jkunu promettenti ħafna u aktarx ikunu dawk li diġà jkunu qegħdin jikkompetu fuq livelli nazzjonali u internazzjonali.

Kull student jitgħallem lingwa barranija

Il-MATSEC qed jipproponi li mill-2020 kull student ikun qed jagħmel eżami f’mill-inqas lingwa barranija waħda.

S’issa, kull student kellu jgħaddi minn lingwa waħda, tkun xi tkun. Però issa l-pjan huwa li kull student jitgħallem mill-inqas lingwa waħda barranija. Intqal li dan se jsir skont rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea dwar it-tisħiħ tal-identità Ewropea.

Se jiġu introdotti wkoll erba’ suġġetti ġodda ta’ profiċjenza fil-Franċiż, fil-Ġermaniż, fit-Taljan, u fl-Ispanjol. Dawn se jkunu fuq livell intermedju.

Attivitajiet barra mill-kurrikulu

L-istudenti se jingħataw il-possibilità li jgħażlu li jinvolvu ruħhom f’xogħol volontarju għal minimu ta’ 80 siegħa. Huma jingħataw tliet punti oħra bħala parti miċ-ċertifikat tagħhom tal-MATSEC.

Assessjar

Apparti mill-eżamijiet li diġà qed isiru, qed ikun propost li jiġi introdott assessjar fl-iskejjel li jikkontribwixxi sa 20% tal-marka finali.

Il-ħiliet tal-komunikazzjoni u tal-kultura se jiġu assessjati mill-iskejjel. L-attivitajiet barra mill-kurrikulu jiġu assessjati permezz ta’ djarju riflessiv – ma jkunx hemm marka speċifika finali imma wieħed jew jgħaddi jew ifalli mis-suġġett.

L-istudenti tat-Talented Athlete Scheme jkollhom jissottomettu rapporti lill-MATSEC. Panel imbagħad jiddeċiedi jekk student ikunx ħaqqu l-għaxar punti meħtieġa.

Wieħed jista’ jagħti l-kummenti tiegħu lill-MATSEC sal-31 ta’ Lulju minn hawn.