Jitħabbru 3 attivitajiet oħra tal-Malta International Arts Festival

Fl-aħħar jiem ingħataw dettalji dwar tliet avvenimenti oħra kulturali li jiffurmaw parti mill-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Malta International Arts Festival li se jsir dan is-sajf.
Ir-Royal Northern College of Music Big Band se ddoqq arranġament ta’ Darryl Brenzel ta’ The Rite of Spring ta’ Stravinsky f’kunċert li se jinkludi diversi xogħlijiet oħra u li se jsir fil-Forti Sant’Iermu fid-9 ta’ Lulju.
Fl-istess post, jumejn wara, se jsir kunċert b’xogħlijiet għall-kitarra klassika u l-bandoneon, jew l-istrument tat-tango Arġentin, minn Simon Schembri u Gilberto Pereyra.
Il-kumpanija BalletBoyz, rebbieħa ta’ diversi premijiet u unuri, se tiżfen fi Pjazza Teatru Rjal fil-15 u fis-16 ta’ Lulju.
Il-Malta International Arts Festival se jsir bejn it-8 u t-18 ta’ Lulju f’postijiet differenti. Iktar dettalji fuq www.maltaartsfestival.org inkluż biljetti bi prezzijiet vantaġġjużi għal żmien limitat.