Jitħabbar tibdil dwar il-kartuna s-safra

DOI - Jason Borg

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar inizjattivi ġodda b’rabta mal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC) fost l-oħrajn dwar il-kartuna s-safra. Il-kartuna s-safra se tibda tkun valida għal 10 snin minflok għal ħames snin.

Waqt żjara fl-uffiċini tad-Dipartiment tal-POYC, il-Ministru stqarr li l-estensjoni fil-validità se tkun qed tnaqqas b’mod drastiku l-burokrazija. Żied jgħid li f’sena l-POYC tqassam b’madwar €28 miljun f’mediċina lill-pazjenti, li bħalissa jaqbżu l-143,000 pazjent.

Inizjattiva oħra li tħabbret illum hija dik ta’ sistema integrata tal-IT, li fi kliem il-Ministru, se tnaqqas b’mod drastiku l-ġiri bil-karti tal-pazjenti kull draba li tinbidlilhom xi ħaġa mit-trattament li jingħataw. L-istess sistema se tkun qed tagħti aċċess lit-tobba biex f’ħin reali jibdlu l-informazzjoni medika jekk ikun hemm bżonn.