Jitħabbar proġett nazzjonali ta’ trasport bi sħab ma’ ħaddieħor

Il-Ministru għat-Trasport, Ian Borg, ħabbar li jinsab fil-fażijiet finali tiegħu l-proċess sabiex jitwaqqaf f’Malta servizz nazzjonali fejn wieħed ikun jista’ juża bi sħab il-karozza biex jasal minn post għal ieħor.
Il-Ministru Borg qal dan nhar il-Ġimgħa waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ssemmew id-diversi inizjattivi li se jitniedu għar-raba’ edizzjoni tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobiltà.
Appuntu, it-tema magħżula mill-Kummissjoni Ewropea għal dis-sena se tkun, Sharing gets you further, jiġifieri meta tuża l-mezzi tat-trasport ma’ ħaddieħor tasal aktar ’il bogħod.
Skont il-Ministru, Transport Malta diġà ħarġet sejħa għall-offerti għall-proġett.
Borg saħaq li bħalissa għaddejjin ukoll diversi inizjattivi oħrajn ta’ servizzi ta’ trasport kondiviż, u huwa maħsub li jkun hemm servizz simili għall-karozzi applikat għar-roti elettriċi.
Il-Ministru semma wkoll proġetti oħra fejn jidħol it-trasport bil-baħar, b’ infrastruttura ġdida u servizzi komplimentari permezz ta’ rotot ġodda, fosthom minn San Pawl il-Baħar, San Ġiljan u Ta’ Xbiex. Minbarra dan qed isiru preparamenti għat-titjib tas-servizz bil-baħar eżistenti permezz ta’ faċilitajiet ġodda għall-passiġġieri fil-Kottonera, il-Belt u f’Tas-Sliema.
Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Ambjent u l-Iżvilupp Sostenibbli, Josѐ Herrera, li rrimarka li hemm bżonn li l-qasam tat-trasport juiġi indirizzat malajr minħabba li huwa wieħed mill-oqsma ewlenin għat-tniġġis tal-arja.
Il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità se tkun bejn is-16 u t-22 ta’ Settembru.
Ritratt: DOI – Clifton Fenech