Filmat: Jitħabbar l-aqwa offerent għaċ-Ċentru Marittimu fl-eks shipbuilding

Ablecare Oilfield Services Holdings Limited ġiet iddikjarata bħala l-aqwa offerent għall-iżvilupp ta’ Ċentru Marittimu fl-eks sit tax-shipbuilding.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru tal-Investiment Chris Cardona qal li dan il-proġett se jkun iffukat fuq servizzi mogħtija lill-industrija tat-tiftix taż-żejt u gass fil-Mediterran. Issa jmiss li l-Gvern jibda jinnegozja l-konċessjoni mal-Ablecare, li diġà għandha preżenza fis-sit tal-eks shipbuilding.
Spjega li b’dan l-iżvilupp, Malta se ssir l-ewwel ċentru marittimu ta’ din ix-xorta fil-Mediterrran.
Qal li hu fatt magħruf li Malta tinsab fiċ-ċentru tal-attività li qed isseħħ fl-industrija taż-żejt u l-gass fil-Mediterran, u għaldaqstant ikun għaqli li l-pajjiż jisfrutta dan is-suq.
Il-Ministru sostna li dan il-qasam joffri opportunitajiet ta’ livell għoli ta’ investiment li jwassal għal żvilupp u riġenerazzjoni tas-sit. Saħaq li dan ikun qed jimxi id f’id mal-għan tal-Gvern li joħloq impjiegi ġodda ta’ kwalità.
Il-Ministru Cardona qal li l-Gvern huwa kommess li permezz ta’ din il-konċessjoni u proġetti oħra, ikompli jimmassimizza l-potenzjal ekonomiku tal-eks sit tax-shipbuilding fil-Marsa.
Sostna li dan il-proġett se jkompli jsostni l-istrateġija ekonomika tal-Gvern, li qed tħalli riżultati pożittivi, kif ikkonfermat mill-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali Standard & Poor’s.