Jitħabbar ir-restawr tal-istazzjonijiet tal-ferrovija ta’ Birkirkara, Ħ’Attard u l-Ħamrun

DOI: Jeremy Wonnacott

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia ħabbar investiment ta’ €1.2 miljun f’fondi Ewropej għar-restawr tal-istazzjonijiet tal-ferrovija f’Birkirkara, f’Ħ’Attard u fil-Ħamrun biex isiru aċċessibbli għal kulħadd.

Il-proġetti jinkludu rinovazzjoni tal-binjiet tal-istazzjonijiet tal-ferrovija antiki tal-Ħamrun u ta’ Ħ’Attard biex jiġu preservati u jsiru attrazzjoni kif ukoll ir-rinovazzjoni tal-istazzjon ta’ Birkirkara li se jsir mużew għall-memorabilia restawrata mill-ferrovija kif ukoll replika tal-istrutturi tal-ferroviji ta’ Malta.

Farrugia qal li wasal iż-żmien li t-turisti jżuru Malta għal raġunijiet oħra għajr ix-xemx, għalhekk dawn l-istazzjonijiet għandhom iservu ta’ attrazzjoni turistika.

Hu mistenni li t-tliet proġetti li kollha qegħdin fi stadji differenti, se jżidu n-numru ta’ viżitaturi lejn dawn is-siti għal madwar 13,000.

Is-Sindki tat-tliet lokalitajiet, Stefan Cordina ta’ Ħ’Attard, Joanne Debono Grech ta’ Birkirkara u Chris Sammut tal-Ħamrun, kollha faħħru dan l-investiment u qalu li jħossu ċertu sodisfazzjon b’dan ir-restawr. Sammut żied jgħid li b’dan il-proġett, l-istazzjon tal-ferrovija se jsir post ħafna aħjar għat-tfal li jattendu l-iScouts u l-girl guides.

Iċ-Chairman tal-Malta Railway Foundation Paul Galea qal li issa wasal il-mument biex l-istorja tal-ferrovija ta’ Malta tieħu l-ħajja u titgawda mit-turisti, mill-poplu Malti u minn dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-wirt storiku Malti.