Jitħabbar il-programm tal-Ordinazzjoni Episkopali

L-Arċidjoċesi ta’ Malta ħabbret id-dettalji tal-Ordinazzjoni Episkopali tal-Isqof Awżiljarju Elett Mons Joseph Galea Curmi.

Il-programm jibda nhar il-Ġimgħa, jum qabel l-Ordinazzjoni fejn l-Arċisqof Charles Scicluna mistenni jmexxi velja ta’ talb fis-7.30pm fil-knisja parrokkjali ta’ San Ġużepp Ħaddiem, Birkirkara bi tħejjija għall‑Ordinazzjoni Episkopali tal-Isqof Awżilarju l-ġdid ta’ Malta. Huwa mistenni li jieħu sehem ukoll in-Nunzju Appostoliku, l-Arċisqof Alessandro D’Errico.

Matul il-velja, Mons. Joseph Galea-Curmi mistenni jagħmel l-istqarrija tal-fidi u jieħu l-ġurament tal-fedeltà. Matul il-velja l-Arċisqof Scicluna jbierek il-baklu, il-mitra u ċ-ċurkett li ser jintużaw l-għada waqt l-Ordinazzjoni Episkopali.

L-għada s-Sibt fis-7pm issir il-quddiesa tal-Ordinazzjoni mmexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna fil-Katidral tal-Imdina, bl-Isqfijiet Koordinanti jkunu l-Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona u l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech.

Il-velja ta’ talb u l-Ordinazzjoni Episkopali se jixxandru LIVE fuq Newsbook.com.mt.

Is-Sibt ta’ wara, imbagħad, l-Isqof Awżiljarju se jmexxi quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fis-7pm fil-knisja parrokkjali ta’ Ħal Balzan fejn ilu jagħti servizz pastorali għal dawn l-aħħar 27 sena.

Trasport għall-Ordinazzjoni

Il-Kurja tal-Arċisqof qed torganizza servizz ta’ park and ride b’xejn lil kull min jixtieq jattendi għall-Quddiesa tal-Ordinazzjoni Episkopali, mis-Seminarju tal-Arċisqof, Tal-Virtù, sal-Imdina, u lura. Is-servizz jibda mis-Seminarju fil-5:30 p.m., u lura mill-Imdina fl-10:30 p.m. Kull min jixtieq jagħmel użu minn dan is-servizz għandu jaħseb kmieni u wkoll jibgħat SMS fuq 79747300 bl-isem u l-kunjom ta’ kull persuna li se tuża dan is-servizz.

Tista’ taqra l-programm kollu hawnhekk.