​Jitħabbar il-programm taċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi tat-Tridu tal-Għid

Il-Knisja f’Malta għadha kif ħabbret il-programm taċ-ċelebrazzjonijiet lituriġiċi tat-Tridu tal-Għid.
Għada, fis-7:30pm, l-Arċisqof Charles Scicluna se jmexxi l-Via Sacra Djocesana li tibda mill-istatwa ta’ Kristu Re (quddiem il‑lukanda Phoenicia) u tintemm quddiem il-Konkatidral ta’ San Gwann, il-Belt Valletta.
1. Ħamis ix-Xirka: Il-Quddiesa taż-Żjut – 29 ta’ Marzu fid-9am
Din hija l-unika Quddiesa li tiġi ċċelebrata f’Ħamis ix-Xirka filgħodu mill-Arċisqof u mis-saċerdoti. Fl-Arċidjoċesi ta’ Malta din il-Quddiesa ssir fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.
L-enfasi tagħha huwa fuq l-għaqda li Ġesù xtaq li jkun hemm bejn dawk li jemmnu fih, b’mod speċjali dawk li ġew afdati biex ikomplu l-ħidma tiegħu. F’din il-Quddiesa s-saċerdoti jġeddu l-wegħdiet tal-ordinazzjoni saċerdotali tagħhom b’tiġdid ta’ impenn tal-għaqda bejniethom u mal-Isqof tagħhom. Fiha wkoll jitbierku ż-żjut tal-morda u tal-katekumeni, u jiġi kkonsagrat iż-żejt tal-griżma mħallat bil-fwejjaħ. Dawn iż-żjut jintużaw fl-amministrazzjoni tas-sagramenti matul is-sena, sa Ħamis ix-Xirka oħra.
2. Ħamis ix-Xirka: It-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej – 29 ta’ Marzu fis-6:30pm
It-Tifkira Solenni tal-Aħħar Ikla tal-Mulej tibda wara nżul ix-xemx, xħin ikun qed joqrob il-lejl. Matulha, il-Knisja tfakkar it-twaqqif tal-Ewkaristija u l-istituzzjoni tal-qadi bħala l-ministeru ewlieni tal-Knisja wara x-Xandir tal-Kelma. Din iċ-ċelebrazzjoni fiha erba’ taqsimiet:

  1. Liturġija tal-Kelma
  2. Ħasil tar-Riġlejn
  3. Liturġija tal-Ewkaristija
  4. Purċissjoni għall-post tal-Adorazzjoni

Iċ-ċelebrazzjoni mhix il-festa tat-twaqqif tal-Ewkaristija fiha nnifisha; din issir fil-Festa tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej (Corpus). Hija t-tifkira tal-aħħar ikla fil-kuntest kollu tat-Tlett Ijiem Imqaddsa tal-Għid. Fil-fatt, il-Knisja tħeġġeġ biex l-adorazzjonijiet li jsiru f’dawn il-jiem ma jkunux ikkonċentrati fuq l-Ewkaristija. Sa nofsillejl biss jistgħu jsiru adorazzjonijiet solenni — iżda riflessjoni dwar dak li beda fiċ-Ċenaklu, twettaq fuq il-Golgota u sab il-qofol tiegħu fil-Qawmien nhar Ħadd il-Għid. Matul din iċ-ċelebrazzjoni jsir ukoll il-ħasil tar-riġlejn.
3. Il-Ġimgħa l-Kbira: It-Tifkira Solenni tal-Mewt tal-Mulej – 30 ta’ Marzu fit-3:30pm
It-Tifkira Solenni tal-Mewt tal-Mulej issir għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar, biex il-fidili jifhmu li qed jgħixu mument b’mument il-ħinijiet l-iktar importanti fil-Misteru tal-Fidi. Hija ċelebrazzjoni solenni li tiġi enfażizzata iktar jekk issir fil-ġabra. Ma jintużawx strumenti ta’ mużika iżda kant bil-vuċijiet biss. Il-mumenti ta’ skiet, fid-dħul u waqt li ċ-ċelebranti jimteddu mal-art, qabel ir-Rakkont tal-Passjoni, bejn talba u oħra, waqt il-wasla tas-Salib għall-Adorazzjoni, waqt l-armar tal-artal u waqt li jitwassal Ġesù Ewkaristija u fil-ħruġ, huma mezzi ta’ talb u riflessjoni. Din iċ-ċelebrazzjoni fiha tliet taqsimiet:

  1. Liturġija tal-Kelma u Talbiet Universali
  2. Adorazzjoni tas-Salib
  3. Tqarbin

4. Sibt il-Għid: Il-Vġili Solenni tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet – 31 ta’ Marzu fit-8pm
Il-Vġili tal-Għid wara nżul ix-xemx tas-Sibt fi dħul il-lejl hija liturġija unika li l-qofol tagħha jintlaħaq fiċ-ċelebrazzjoni tal-Magħmudija wara l-Liturġija tal-Kelma. Flimkien maċ-ċelebrazzjoni tal-Ħamis filgħaxija u dik tal-Ġimgħa l-Kbira, din tal-lum hija l-qofol tas-sena liturġika għaliex fiha l-Knisja tgħix mill-ġdid il-ġrajja tas-salvazzjoni, mhux b’nostalġija jew b’tifkira ta’ dak li ġara elfejn sena ilu, imma għax għadha sseħħ illum.
Il-Liturġija tibda fuq iz-zuntier tal-knisja bit-tberik tan-nar u l-mixgħela tal-blandun li huwa simbolu ta’ Kristu nnifsu. L-Insara jidħlu wara l-blandun mixgħul fil-knisja mudlama u minnu jixgħelu d-dwal tagħhom u jgħaddu d-dawl lil xulxin. Wara li jitħabbar l-Għid jibda l-qari ta’ siltiet mill-Kotba Mqaddsa li jwasslu bil-mod il-mod għall-mument tat-Tħabbira tal-Evanġelju, din is-sena minn San Mark, li jirrakkonta l-Qawmien mill-mewt ta’ Ġesù. Wara l-omelija tibda l-liturġija tal-Magħmudija fejn biż-żewġ elementi naturali, in-nar u l-ilma (imbierek bin-nar), jinħoloq l-ilma tal-Magħmudija li jagħti l-ħajja ta’ Alla lil min jitgħammed bih. Din iċ-ċelebrazzjoni fiha erba’ taqsimiet: 

  1. Tberik tan-Nar, mixgħela tal-blandun u Tħabbira tal-Għid
  2. Liturġija tal-Kelma
  3. Liturġija tal-Magħmudija
  4. Liturġija tal-Ewkaristija

5. Ħadd il-Għid: L-Għid tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet – 1 ta’ April fl-10:30am
Filgħodu, il-Knisja tiċċelebra l-Għid il-Kbir tal-Mulej bħala Knisja li tfakkar it-twelid mill-ġdid tal-Bniedem għall-ħajja ta’ dejjem, bit-tisħib ta’ dawk li jemmnu fil-qawmien ta’ Kristu mill-mewt. Matul din il-ġurnata, il-Knisja tgħix il-ferħ u l-emozzjonijiet l-oħra li d-dixxipli għexu wara l-qawmien ta’ Ġesù milll-imwiet.