Jitħabbar il-programm liturġiku tal-Ġimgħa Mqaddsa

Tħabbar il-programm ta’ attivitajiet liturġiċi fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa. Fost l-oħrajn l-Arċisqof Pawlu Cremona se jkun qed imexxi numru ta’ ċelebrazzjonijiet liturġiċi fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann il-Belt Valletta.

Nhar Ħamis ix-Xirka fit-28 ta’ Marzu, filgħodu tibda ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa tat-Tberik taż-Żjut Imqaddsa. Flimkien mal-Arċisqof, f’din iċ-ċelebrazzjoni jieħdu sehem saċerdoti djoċesani u reliġjużi. L-Arċisqof ibierek iż-Żjut Imqaddsa li jintużaw fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament tal-Griżma tal-Morda, tal-Magħmudija, tal-Konfermazzjoni u l-Ordni Sagri. Is-saċerdoti preżenti jġeddu l-wegħdiet li għamlu dakinhar tal-Ordinazzjoni Saċerdotali.

Aktar tard nhar Ħamis ix-Xirka issir it-tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej. Wara l-Quddiesa, l-Arċisqof jittrasporta s-Sagrament lejn l-Artal tar-Repożizzjoni, fejn is-Sagrament jinżamm għall-qima tal-Insara.

Nhar il-Ġimgħa l-Kbira waranofsinhar, l-Arċisqof se jmexxi l-Azzjoni Liturġika tal-Passjoni u l-mewt tal-Mulej.

F’Sibt il-Għid filgħaxija, l-Arċisqof imexxi ċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili tal-Għid biex imbagħad f’Ħadd il-Għid, l-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa Stazzjonali tal-Għid il-Kbir tal-Mulej. Wara jagħti l-Barka Appostolika bl-Indulġenza Plenarja.

Intant ukoll nhar l-Erbgħa 27 ta’ Marzu, l-Arċisqof Pawlu Cremona se jmexxi l-Via Crucis Nazzjonali fejn it-tema se tkun marbuta mas-Sena tal-Fidi. Din il-Via Crucis hija organizzata minn radju RTK flimkien mas-Segretarjat Pastorali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta u tixxandar b’mod dirett fuq Radju RTK.