Jitħabbar il-lineup sħiħ tal-Isle of MTV

Il-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi dalgħodu ħabbar il-lineup sħiħ li se jkun qed joħloq atmosfera mill-isbaħ u annwali fuq il-fosos tal-Furjana x-xahar id-dieħel.
Minbarra Like Mike u Dimitri Vegas, li tħabbru li se jkunu parti mill-Isle of MTV xi ġimgħat ilu, illum, l-MTV flimkien ma Viacom ħabbru l-artitsti kollha li se jżuru l-gżira Maltija għal dan l-avveniment.
Il-Ministru Mizzi ħabbar li Jason Derulo, li huwa wkoll l-artist li din is-sena ħareġ id-diska tat-Tazza Dinjija tal-futbol, huwa propju wieħed mill-artisti. 
Se tkun qed iżżur pajjiżna wkoll Hailey Stainfield li minkejja li hija artista kemmxejn ġdida fix-xena mużikali, il-kanzunetti tagħha huma verament popolari mal-istazzjonijiet tar-radju lokali.
Magħhom se jkun hemm ukoll id-DJ Ingliż Sigala, li miegħu se jġib lil Paolma Faith u lil Ella Eyre sabiex flimkien ikunu jistgħu jdoqqu u jkantaw uħud mill-aktar kanzunetti famużi tiegħu.
L-Isle of MTV se jkun qed isir nhar is-27 ta’ Ġunju bejn it-3pm u l-11:30pm fuq il-fosos tal-Furjana.
Għall-ewwel darba, dawk kollha li jixtiequ jattendu jridu jaqtgħu biljetti b’xejn minn fuq is-sit tal-Isle of MTV, liema deċiżjoni qajjmet kontroversja fl-aħħar ġimgħat, b’bosta persuni jikkritikawha.