Jitħabbar il-Kummissarju tal-Films il-ġdid ta’ Malta

Il-Kummissarju tal-Films il-ġdid ta’ Malta lbieraħ beda l-ħidma tiegħu b’aġenda ambizzjuża li timmira għal aktar tkabbir fl-industrija, u li tiffoka fuq li tattira produzzjonijiet ġodda lejn il-gżejjer Maltin minn lill hinn mill-istudios tradizzjonali ta’Hollywood.
Bħala Kummissarju tal-Films, Johann Grech se jkun responsabbli għat-tħaddim tal- organizzazzjoni li tagħti appoġġ lill-industrija tal-films Maltija u li taħdem biex tħajjar produtturi barranin jiġu jiġbdu f’pajjiżna.
Johann Grech wiegħed li se jippromwovi l-industriji kreattivi ta’ livell globali ta’ Malta għall-industriji tal-films emerġenti bħall-Indja u ċ-Ċina, kif ukoll għall-pjattaformi diġitali.
Grech qal li l-messaġġ tiegħu lill-industrija tal-films globali hu wieħed sempliċi – Malta hija film-set fiha nnifisha. Il-gżejjer Maltin joffru dinja ta’ opportunità.
Huwa sostna li Malta rat tkabbir sostanzjali fil-produzzjoni tal-films fl-aħħar snin u rringrazzja lill-preċedissur tiegħu Engelbert Grech, li taħt it-tmexxija tiegħu ġew aktar minn 50 produzzjoni fl-aħħar erba' snin.
Fl-aħħar snin Johann Grech serva bħala Kap tal-Marketing tal-Gvern, u se jġib miegħu esperjenza vasta fuq kampanji ta’marketing fix-xogħol il-ġdid tiegħu biex jippromwovi l-industrija tal-films ta’ Malta.
Bħala Kummissarju tal-Films Grech diġà beda jiltaqa' u jiddjaloga mal-istakeholders tal-industrja dwar kif Malta tista’ tagħmel aktar biex tippromwovi d- diversità tal-lokazzjonijiet u s-servizzi li tista' toffri bħala pajjiż, kif ukoll biex jintlaħqu swieq emerġenti li qed jikbru rapidament.